Il-lokalita’ ta’ Raħal Ġdid hi mxebba’, frustrata u rrabjata għall-kunsillier PN Roderick Caruana li ddikjara gwerra kontra kulħadd, Nazzjonalisti u Laburisti, u ħalef li jfixkel is-serenita’ tal-lokal u li jisfratta saħansitra l-festa li se tkun iċċelebrata l-ġimgħa d-dieħla.
Roderick Caruana hu l-minority leader tal-PN f’Raħal Ġdid u l-istorja tiegħu f’Raħal Ġdid hi mżewqa b’piki assurdi u kontroversji inutli li wassluh biex ikun imkeċċi minn kull każin fil-lokali, inkluż dawk fejn jimmilitaw membri tal-familja immedjata tiegħu.
F’dawn l-aħħar jiem, Roderick Caruana saħansitra kiteb lill-Pulizija biex imorru fuq il-każini u jħarrkuhom fuq armar tal-festa li f’hħajnejh ma jkunux qed isegwu r-regolamenti dwar l-aċċess liberu tal-bankini.
Filwaqt li ħafna jsostnu li din hi vendikazzjoni ta’ Caruana lejn il-każini għaliex qaċċtuħ minn ħdanhom u li ddikjarawh bħala ‘persona non grata‘ minħabba l-imġieba biżarra tiegħu mal-kumitati u mas-soċji, dan il-minority leader issa qed jinsisti għall-ħruġ ta’ multi u żarmar tal-armar għall-festa.

F’Raħal Ġdid il-frustrazzjoni b’Caruana laħqet livell li malli xi ħadd isemmi ismu, tibda tiela’ t-tempra u kemm Nazzjonalisti u anki Laburisti jgħidulek li jkun aħjar li ssemmi lix-xitan milli lil Caruana.
Roderick Caruana rnexxielu jdaħħal id-dwejjaq fost ir-residenti ta’ Raħal Ġdid u l-fatt li issa qed juri li hu attiv fil-kampoanja ta’ Adrian Delia, dan tal-aħħar qed ikun imwissi biex ma jersaqx lejn il-lokalita’ fil-festa u jkun akkumpanjat minn Caruana.

Filwaqt li se tkun diffiċli li Caruana juri wiċċu waqt il-festa, se ykun problematika ħafna għal Adrian Delia biex jidher miegħu.




