Xi probelmi kbar ħoloq Bernard Grech bir-riżenja tiegħu, u li dal-lejl wassal għal riżultat ‘foto-finish’ bejn Adrian Delia u Alex Borg, b’dan tal-aħħar jirbaħ b’ponn miżeru ta’ voti li jfissru problemi kbar ħafna għall-PN fiż-żmien li ġej.
Adrian Delia hu rrabjat ħafna. Għalkemm tilef bi ftit, fil-verita’ Delia tilef ħafna. Spiċċa biex tilef ma’ ‘tifel’ u fuq kollox, tilef l-istatura li bena għalih tul dawn l-aħħar dak kollu li bena tul dawn l-aħħar ħames snin wara li kien tkeċċa mill-kariga ta’ Kap tal-PN.
B’hekk issa, filwaqt li Alex Borg dalgħodu se jingħata ċ-ċwievet tal-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali mingħand Bernard Grech, se jsib ma’ wiċċu muntanja ta’ ptoblemi, ewlenija fosthom is-sitwazzjoni mwiegħra ħafna tal-finanżi tal-partit.
Iżda din il-problema – għalkemm kbira – mhix kbira daqs l-isfida ġġanteska li Borg se jkollu mal-establishment perversa u perikoluża, li maħsuda kif inhi mhux se ċċedi pulżier ta’ poter jew influwenża quddiem dak li laqqmuh bħala ż-‘żiemel ta’ Troja’ tal-Labour fil-PN.
Żagħżugħ u inespert, Alex Borg issa se jinduna waħdu kif il-politika, u t-tmexxija ta’ partit m’humiex Facebook jew Instagram. Li kieku għasfur kellu jwassallu d-diskors li sar dwaru dal-lejl bejn id-Deputati u xi uffiċċjali tal-partit konvint li jipiċċa lanqas ikun irid ipoġġi f’dak l-imbierek siġġu ta’ direżżjoni!
B’Adrian Delia nkorlat u nies bħal Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina tripplament nkażżati, Alex Borg jaf li se jkollu jgħaddi minn martirju akbar li għadda minnu Delia.
L-establishmentr tal-PN ma jinqeridx. Anżi ma jista’ jinqered qatt għaliex l-establishment fil-PN hu b’saħħtu ħafna, hu makakk, kattiv u manipulattiv.
Alex Borg iżda jrid jassumi r-responsabbilta’ li ħafna mill-gwaj li ġej għalih hu wkoll it-tort tiegħu, għaliex qatt ma tkellem ċar kontra ċertu Deputati, artikolisti u esponenti,li sa minn meta’ kien elett fil-Parlament fl-2022, qisuh bħala l-antikrist. Dejjem dar mal-lewża, beża’ minnhom u anżi, tahom il-wiċċ biex jagħmlulu.
Imur itella’ ritratt ma’ Bernard Grech daħqan u jirringrazzjah tal-ħidma, meta dan qatt ma qabeż għalih quddiem il-bullying u l-arroganża tal-estremisti. Bħal Delia, Alex Borg jidher li jħobb jissawwat.
Id-diskors fuq il-ħtieġa tal-ġħaqda fil-partit, se jkollu jibqa’ diskors, għaliex Borg jaf li anki l-alleanża li kellu ma’ Delia sfaxxa fix-xejn meta dawk li jappoġġjaw lil Delia ħarġu jgħajjruh ‘traditur’ u ‘maħmuġ’ għax ħareġ itellaq kontrih.
B’riżultat foto-finish Alex Borg mhux se jmexxi. Anżi, ftakru li qed ngħid. Se jagħmlulu ħajtu nfern.
Se jibda jħoss in-nifs m’għonqu ta’ Delia stess, il-partitarji rivali li sal-bieraħ tgħidx kemm taw u tgħajru barra d-Dar Ċentrali sakemm kienu qed jingħaddu l-voti. Se jħoss żgur il-pressjoni tal-establishment li ma triudux, u hemm ukoll Repubblika u l-familja Caruana Galizia, li ma jaħmlux lanqas pinġut.
Insomma, Bernard Grech għaxxaqhom. Irriżenja biex ħoloq problemi akbar għall-PN. Il-problemi u l-kriżijiet se jaslu aktar malajr milli qed taħsbu.




