It-tim ta’ tmexxija fl-uffiċċju tal-Kap Nazzjonalista Alex Borg jinsab taħt assedju u qed ifittex modi kif joħroġ mill-problema ‘Simon Mizzi’ wara li l-bieraħ sar magħruf li l-kumpannija tiegħu kienet fil-qofol ta’ survey politiku f’Ġunju li għadda, li wassal għar-riżenja ta’ Bernard Grech minn Kap tal-PN.
Il-mewġa ta’ rabja, kritika u suspetti ta’ manuvrar u konfoffi li ssawru fl-isfond ta’ dak is-survey ‘stramb’ li poġġa lil Bernard Grech bħala tellief u lil Alex Borg bħala champion, hi kbira tant li diversi qed jibżgħu li din hi kapaċi taqsam lill-PN, tant li bosta partitarji ta’ Adrian Delia – li tilef it-tellieqa b’44 vot – qed jiddikjaraw gwerra kontra l-Kap il-ġdid.

Simon Mizzi ma’ Alex Borg: strateġista, ħabib jew mażżra?
Is-sitwazzjoni hi serja tant li mil-lum qed jiddaħħlu miżuri ġodda ta’ sigurta’ għal min jidħol u joħroġ mid-Dar Ċentrali, b’ordnijiet għal firem ta’ kulħadd, u bil-ħinijiet li jidħlu u joħorġu. Qed jinbiddlu wkoll il-‘codes’ tal-biebien elettroniċi li jwasslu għall-uffiċċji fgis-sular fejn hemm l-uffiċċju ta’ Alex Borg u l-istaff tiegħu.
Ħafna huma tal-fehma li s-survey ta’ Ġunju li poġġa lil PN fi żvantaġġ ta’40,000 bl-anomalija li f’Għawdex il-PN kien jagħmel ‘clean sweep’ fuq il-PL, hi goffa wisq biex tkun aċċettata, hekk kif dan wassal għar-riżenja ta’ Bernard Grech, u l-ħadma biex Adrian Delia jispiċċa kkontestat u mirbuħ mill-istess delfin tiegħu Alex Borg.
Is-siegħat li ġejjin se jkunu kruċjali għal Alex Borg fit-tmexxija tal-PN, hekk kif mistenni jaffronta l-barage ta’ mistoqsijiet mill-media, kif ukoll dwar iul-futur ta’ Simon Mizzi bħala l-Kap ‘volontarju’ tal-Leadership Delivery Office fid-Dar Ċentrali.
Fl-isfond tal-pressjoni fuq Simon Mizzi, hemm ukoll il-problema Sabine Agius Cabourdin, il-Kap Eżekuttiva l- ukoll volontarja – tal-PN, li milli qed nisimgħu qatgħet qalbha diġa, sparixxiet mill-kurituri tad-Dar Ċentrali u diġa qed tiġri l-kelma li qed iżżarma mill-kariga.




