Bonġu għażiż Alex Borg!
Nemmen li bdejt teżaġera u li l-entużjażmu qed jiġri bik diġa’. Meta jkollok mikrofonu quddiemek, għandek toqgħod ħafna attent xi tgħid.
Għadek ġimgħa fil-kariga, u minn kummenti li tista’ tirbaħ lill-Partit Laburista ‘hands down‘, dalgħodu nisimgħek tgħid li kapaċi tirbaħ lil Robert Abela u lil Labour, ‘anki f’xahar!’.
L-ewwel leżżjoni li teħtieġ titgħallem għażiż Alex, biex tirbaħ l-elezzjoni hi l-umilta u mhux il-vanita.
It-tieni leżżjoni għandha tkun il-kapaċita’ li inti, f’isem il-PN titlob apoloġija għall-ħsara kbira li għamel lill-pajjiż matul dawn l-aħħar 13-il sena ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista, b’Deputati u esponenti kontinwament ixewxu lill-Ewropa u lill-Gvernijiet oħra barranin biex jifgaw lil Malta. Ipperikola lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin.
Meta tgħid li se tirbaħ lil Robert Abela trid taċċetta l-ġid kollu li wettaq kemm ilu Prim Ministru, minn żmien il-Covid ‘l hawn, fejn salva mal-100,000 impjieg, issussidja l-enerġija, il-fuels u wieżen lill-familji. Ma ddaħlitx taxxa waħda li hi waħda.
Dawn huma ftit eżempji, li jekk mingħalik se tirkeb fuqhom, għad fadallek ħafna u ħafna x’taqdef.
B iex tirbaħ elezzjoni jeħtieġ ikollok partit magħqud, kredibbli u li jħobb lil Malta.
S’issa f’ġimgħa rajt l-oppost mill-Partit Nazzjonalista.
Għad irrid nara lill-establishment jifraħ u jaċċetta l-ħatra tiegħek bħala kap tal-PN. Għad irrid nara lil Adrian Delia jiddikajara l-lealta’ lejk, u għad irrid narak twarrab lil Repubblika u lill-familja Caruana Galizia milli jikkundizzjonaw lill-PN. S’issa għadni ma rajt xejn.
Altru milli tirbaħ l-elezzjoni f’xahar! L-ewwel naddaf ġewwa, imbgħad ħares il-barra ħabib!
Jidher għażiż Alex, li għadek qed ittir bil-ferħ, għax lanqas qed temmen li sirt Kap tal-PN.




