Adrian Delia qed jikkunsidra jieħu pass lura u ma jkomplix bil-pjan tiegħu li jikkontesta għall-Kariga ta’ Kap tal-PN.
Imkejjen infurmati spjegawlna li d-deċiżjoni ta’ Delia mistennija titħabbar fis-siegħat li ġejjin, u qed issir bl-iskop li ‘jsalva’ sitwazzjoni milli tkompli tiddeġenera u tpoġġi lill-PN f’sitwazzjoni agħar milli diġa jinsab fih.
Mindu Alex Borg ħabbar li se jikkontesta għall-kariga, fi ħdan il-PN nibet split enormi fi ħdan il-fażżjoni moderata, fejn partitarji lejali lejn Delia nfexxew f’dgħadiha ta’ attakki u nsulti fil-konfront taż-żagħżugħ Għawdxi.
Jingħad li Delia fehem ukoll li m’għandux in-numri biżżejjed biex jirbaħ lil Alex Borg, u b’hekk irid isalva lilu nnifsu minn umiljazzjoni, ħames snin wara li kien spiċċa sfiduċjat mill-kariga ta’ Kap tal-PN.
Hu mifhum li Delia kien irrabjat ħafna meta Alex Borg ħabbar li se jikkontesta, iżda diversi nies li avviċinawh matul dawn l-aħħar siegħat, servew ta’ medjaturi ma’ Borg, u jidher li mistenni jintlaħaq qbil li l-eks Kap Nazzjonalista jirtira mill-intenżjoni li jikkontesta, u jintefa’ wara Alex Borg.
Delia jaf li Alex Borg għandu warajh struttura organizzattiva b’saħħitha, inkluż il-finanżjament neċessarju biex jagħmel kampanja qawwija madwar il-pajjiż biex jiżgura vot massiċċ favur tiegħu mit-tesserati.




