Kienet ċamata ċara u tonda dik li l-Prim Imħallef Mark Chetcuti għadda lil Jason Azzopardi dalgħodu fil-Qorti, hekk kif sikktu u ordnalu biex ma jitħarrikx jew joħroġ il-barra mill-awla tal-Qorti tal-Appell.
Il-Prim Imħallef intervejna, wara li Azzopardi nfexx jgħajjar lill-avukati ta’ Yorgen Fenech ‘giddieba’, u kien hawnhekk li l-Chetcuti wieġeb; ‘int mhux l-avukat. int parti f’din il-kawża. Jew tibqa’ sieket, jew titlaq mis-sala.’
Azzopardi appella l-multa ta’ €300 li kienet imposta fuqu mill-Imħallef Edwina Grima ftit tal-jiem ilu, wara li sabitu ħati ta’ dispreżż, peress li kien ikkummenta pubblikament fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech meta hemm ordni ċara biex ma jsir l-ebda kumment.
Filwaqt li Azzopardi kien kostrett jagħmel apoloġija għax-xenata li għamel, il-Qorti ddifferiet il-kawża għall-11 ta’ Novembru li ġej, meta l-Qorti għandha tiddeċiedi fuq jekk l-appell ta’ Azzopardi għandux ikun milqugħ jew miċħud.




