Il-Partit Nazzjonalista qed juri kemm m’għandux idea ċara ta’ kif jinterpreta l-istatistika. Qed jerġa’ jipprova jpinġu stampa negattiva, mentri fir-realtà qed jerġa’ jiżbalja fiċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
L-istatistika li qed isemmi l-PN tinkludi wkoll il-popolazzjoni kollha li tgħix f’Malta, inkluż numru ta’ barranin li jinsabu hawn għal żmien temporanju biex jaħdmu jew jistudjaw. Dawn ħafna drabi jagħżlu li jikru, u naturalment dan ikollu impatt fuq ir-rata ġenerali tal-kera.
Jekk inħarsu lejn iċ-ċifri reali fost iċ-ċittadini Maltin, ir-rata ta’ sidien ta’ darhom hi ta’ madwar 85%, li tfisser li l-maġġoranza assoluta tal-familji Maltin għadha tgawdi s-sigurtà ta’ proprjetà tagħhom stess. Din hi xhieda tal-investiment kontinwu li l-Gvern qed jagħmel biex jassigura li l-ħolma li jkollok dar ma tibqax biss għal ftit.
Barra minn hekk, il-Gvern daħħal u saħħaħ diversi miżuri diretti, fosthom l-iskema tal-First Time Buyers, li tgħin lil dawk li qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, u l-għotja ta’ €1,000 fis-sena għal għaxar snin lil dawk li jixtru d-dar tagħhom għall-ewwel darba. Din il-miżura diġà tat serħan il-moħħ lil eluf ta’ żgħażagħ u koppji li qed jibdew ħajjithom.
Fl-istess waqt, il-Gvern qed ikompli jespandi l-iskemi ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, inkluż permezz ta’ Nikru biex Nassistu, il-proġett tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, u programmi ġodda ta’ self b’rati preferenzjali għal żgħażagħ u familji li qegħdin fil-proċess biex isiru sidien ta’ darhom.
Filwaqt li l-PN jillimita ruħu fi kritika distruttiva, dan il-Gvern qed ikompli jaħdem b’miżuri konkreti biex kull persuna f’pajjiżna jkollha post sigur, stabbli u ta’ dinjità fejn tgħix.
INTANT, AKTAR INVESTIMENT U POSTIJIET SOĊJALI
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, żar il-proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali li tlesta riċentement fis-Siġġiewi, li qed jipprovdi ħames units residenzjali moderni għal ħames familji. Il-proġett jinkludi wkoll garaxx taħt l-art b’spazji għall-parkeġġ u mgħammar b’lift, li joffri aċċess faċli għal kull sular u jżid il-konvenjenza għall-abitanti.
Ix-xogħlijiet kollha ġew implimentati mill-Housing Projects Solutions Ltd (HPS) b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, li ħadu ħsieb il-bini, it-tħaffir tal-blat, l-installazzjoni u l-finitura finali, u assiguraw li kull pass kien konformi mal-istandards għoljin ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibilità.
B’investiment totali ta’ madwar €900,000, il-proġett jinkludi wkoll sistemi tal-elettriku, il-finitura interna u esterna, il-pavimentar, it-tikħil, waterproofing u twaħħil tal-aperturi, xogħlijiet li jiżguraw ambjent residenzjali sigur, filwaqt li jipprovdi lil familji residenza komda u moderna.
“Dan il-proġett mhux biss joffri residenza sigura u diċenti lil ħames familji, iżda huwa wkoll evidenza ċara tal-impenn tal-Gvern biex jipprovdi akkomodazzjoni affordabbli u inklużiv f’Malta,” qal il-Ministru Galdes. Huwa enfasizza kif proġetti bħal dawn jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji u kkonferma li l-Gvern se jkompli jinvesti f’residenzi ta’ kwalità li jappoġġjaw il-komunità u jtejbu l-istandards tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.




