Jekk hemm raġuni oħra valida għalfejn il-Maġistrat Gabriella Vella m’għandhiex tkun elevata għall-bank tal-Imħallfin, hu propju l-fatt li issa hemm talba formali għal investigazzjoni bil-Pulizija fil-konfront tal-esperti maħtura minnha fl-Ikjesta Vitals.
Fil-kwerela jingħad, li matul l-aħħar snin, il-kumpanija tal-Irlandiż Jeremy Harbinson ħadet aktar minn €20 miljun mill-qrati Maltin, fejn, minkejja dan, uħud mill-istess esperti tħallsu ammonti relattivament żgħar, waqt li l-kumpanija żammet porzjon kbir.
Fil-kwerela ntqal li dan iqajjem mistoqsijiet ovvji dwar ħlas żejjed, anke minħabba l-fatt li diversi kumpaniji li nħolqu tul il-proċess tal-inkjesta ġew likwidati jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan.
Intqal li, għalhekk, għandha tittieħed azzjoni biex l-ebda evidenza ma tintilef jew tinqered.
Fi stqarrija, Schembri sostna li dawk, li qed jakkużaw lilu u diversi oħrajn f’dan il-każ, swew lill-Istat miljuni ta’ ewro żejda. Għaldaqstant talab lill-Pulizija biex tinvestiga, issegwi l-flus u jekk l-evidenza tappoġġja din l-investigazzjoni, jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli.
Separatament, sar ukoll protest ġudizzjarju kontra l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti fejn ingħad li din għandha tinvestiga l-kontenut tal-kwerela u tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa.
Fiċ-ċirkostanżi kollha, din il-kwerela se jkollha bilfors titlob li l-Maġistrat Gabriella Vella tissejjaħ quddiem il-Pulizija biex twieġeb fuq kif ħatret l-esperti, il-ħlasijiet kollha li saru, biex ma nsemmux ukoll id-diskrepanżi ċari li joħroġu mill-konklużjonijiettal-Inkjesta u dak li sabu jew ma sabux l-istess esperti.
Araw x’se tagħmlu, u evitaw il-mistġija, Taħtrux lil Gaby Vella Mħallef!




