Wara li ‘sparixxiet’ u kibret l-ispekulazzjoni fuq fejn għebet il-Kap Eżekuttiv tal-PN Sabine Agius Cabourdain, jidher li sfurżajniha toħroġ – bħall-bebbux’ minn taħt il-blat, u nhar is-Sibt se tkun fuq il-programm tar-radju mal-Professur Andrew Azzopardi.
Agius Cabourdain għażlet li tilgħab ‘home‘ ma’ Andrew Azzopardi u mingħajr ħadd minn naħa tal-Partit Laburista.
Sal-lum – kemm ilu li Alex Borg ħatarha biex tkun l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-PN – Sabine Agius Cabourdin rrifjutat li tattendi għal numru ta’ dibattiti fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni kemm tal-Istat kif ukoll tal-privat.
Filwaqt li l-Kap Eżekuttuv tal-Partit Laburista Leonid McKay dejjem kien disponibbli biex jieħu sehem fid-dibattiti proposti ma’ Agius Cabourdin, il-PN dejjem insista li jibgħat lis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello minflokha.
Issa, li jidher li Agius Cabourdain se tkun weħidha għal intervista fuq ir-radju, hemm stennija kbira għal x’għandha xi tgħid Agius Cabourdain f’din l-intervista, partikolarment dwar l-għidut persistenti li qed tħejji biex titlaq diġa mill-kariga wara li skopriet il-kobor tal-problema finanżjarja tal-PN.

Hemm stennija wkoll biex naraw kif fil-fatt Agius Cabourdain taħseb – jekk tkun mistoqsija – biex tgħid il-fatti ċari u kollha dwar listat tal-fianjżi tal-PN, kemm hu d-dejn, u kif se jitħallsu ċ-ċedoli.
Se jkun meħtieġ – f’ġieħ it-trasparenża – li Agius Cabourdain tiddikjara min hu l-accountant li ntgħażel biex jiffirma l-accounts tal-PN u meta se jkunu ppubblikati!
Hemm stennija kbira għal Agius Cabourdain biex tgħid x’taħseb fuq Robert Aquilina u Jason Azzopardi, u jekk tridhomx jiġru mas-saqajn tal-PN.
Hemm stennija kbira dwar x’taħseb fuq dak li qal Richard Cachia Caruana f’opinjoni fuq The Times, li l-PN għandu ‘jibqa’ l-bogħod mill-big business‘
Il-Kap Eżekuttiv tal-PN li dwarha qed jikbru l-għidut fid-Dar Ċentrali li ‘għebet’ u li ma tridx tkompli fil-kariga wasslet biex wara ġimgħatejn ta’ mistoqsijiet minn dan is-sit, kellha tippubblika ritratt sfurżat fuq Facebook fuq skrivanija ma’ l-uffiċċjali l-oħra l-ġodda fil-PN u tawgura l-weekend it-tajjeb.

Ritratt ieħor sfurżat kien dak fuq Facebook li juriha dieħla ‘għax-xogħol’ fid-Dar Ċentrali.

Issa li ħriġna wkoll l-istorja dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fuq debates fuq it-televiżjoni, Sabine Agius Cabourdain kellha bilfors toħroġ minn taħt il-blat u jkun Andrew Azzopardi li jħabbar li se titkellem fuq il-programm tar-radju tiegħu.




