Il-każ tal-kwerela kriminali tiegħi kontra Andrew Borg Cardona fuq hate speech hu differit għall-20 ta’ Jannar. Ma ġietx ikkanċellata, ma ġiex illiberat. Ma waqgħux l-akkużi kif nemmen li xtaq xi ħadd.
Jien kont li ressaqt il-kwerela. Ġbart 3,000 firma mingħandkom f’Mejju li għadda meta Andrew Borg Cardona kiteb fuq Facebook jistaqsi, ‘għaliex l-ewtanasja ma tkunx obbligatorja għal Laburisti?’
Hawn xi ħadd jaħseb li jien kont se nħalliha għaddejja?
Għal wħud f’ċerti sezzjonijiet tal-media, għamlu attentat pwerili li jippruvaw idawwru l-affarijiet fuqi, sal-estremita’ li l-headline ta’ The Times kwasi kwasi implikat li jien kont l-akkużat.
Kurjuż hu l-fatt li jekk is-seduta saret il-bieraħ fid-9am u ta’ The Times dejjem irrappurtat dak il-ħin u dakinhar, kif la l-online tal-bieraħ u lanqas fil-gazzetta stampata tal-lum, ma deher xejn. Deher rapport illum, dalgħodu li li jien ‘inqast milli nidher’.
L-ebda gazzetta oħra ma rrapurtat x’ġara l-bieraħ, Ma kienux jafu. Dalgħodu iżda, wara The Times, kien hemm xi wħud li kkuppjaw mit-Times bħal SideStreet u għamlu plejtu, u għal darb’ oħra kwasi kwasi dawruha li jien għamilt il-ħażin. Ma jimpurtax.
Issa parentesi.
Xi ġimgħat ilu rċevejt telefonata mingħand il-Pulizija biex nidher il-Qorti llum il-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru fid-9 ta’ filgħodu. Ħdejja kelli xhud li sema’ t-telefonata għaliex kien qed isuqni. Kont fl-inħawi tal-Marsa. Qalli wkoll li ladarba nfurmani, ma kellux bżonn jibgħatli referta. Aċċettajt, u mietet hemm.
Issa mhux se nidħol fil-mertu fuq ta’ min hu l-iżball għad-data. Li nixtieq nikkummenta hu l-fatt li Andrew Borg Cardona kien assistit mill-Avukat Kris Busietta, li malli ra li jien ma kontx fl-awla tal-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, kien pront biex jitlob li l-każ jitwaqqaf!
X’kumbinazzjoni!
Iżda jidher li l-Qorti fehmet kollox, u ma lliberatx lil Andrew Borg Cardona.
Il-Qorti trid li jien nitla nixhed fil-konfront ta’ Andrew Borg Cardona.
Ma ħassritx l-akkużi, ma lliberatux. Anżi ddiferiet il-każ u se jinstema f’Jannar. U jien se nkun hemm. U kif se nkun hemm.
Intant, fuq il-meżżi soċjali hemm min ipproba jikkummenta u biex iżeblaħni. Ma jimpurtax, mingħand ċerti nies ma nistennix aħjar. Se nibqa’ għaddej. Se nibqa’ determinat. Se nibqa nsostni dak li nemmen. Li ħadd m’għandu jaħseb li hu superjuri għal ħadd, u li jħossu liberu jgħajjar lill-Laburisti b’ilsien bħal dak ta’ Borg Cardona.
Mhux se ninħela kontra l-haters u ċ-ċarlatani ta’ facebook.
Jien se nitla nixhed kontra Andrew Borg Cardona nhar l-20 ta’ Jannar li ġej, bi 3,000 firma ta’ appoġġ f’idejja!




