Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, wissiet li l-emenda Kostituzzjonali kif qed tressaqha l-Oppożizzjoni dwar l-ambjent, bħala ‘għodda perikoluża għall-estremisti u li hija inaċċettabbli’.
Dan għax jekk xi ħadd iħoss li delizzju minn dawn imsemmija jiċħadlu d-dritt fundamentali tiegħu għal ambjent san, kif inhu dak propost mill-Oppożizzjoni, jista’ jmur il-Qorti u jitlob li dak id-delizzju jinqata’.
L-FKNK fakkret li xi ħaġa simili kien ġara bejn l-2009 u l-2011 meta l-Qorti Ewropea kienet qatgħet il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta sakemm inqatgħet il-kawża mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta.
Għalhekk l-FKNK fissret il-liġi proposta mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott bħala liġi drakonjana u li m’għandhiex post f’demokrazija ċivili.
Sostniet li din il-liġi kontra d-delizzjoni tista’ tintlaqa biss minn dawk il-gruppi u individwi estremisti biex jilħqu xi skop tagħhom, liema skop ma irnexxilhomx jilħqu bil-mezzi legali u demokratiċi disponibbli
Hawn issemmew mhux biss il-kaċċa u l-insib li issa huma mhedda b’dak propost mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista iżda hemm delizzji u drawwiet oħra bħal-logħob tan-nar, is-sajd rikreattiv, l-‘off-roading’, il-festi.
L-FKNK ma kritikatx il-prinċipju favur il-ħarsien tal-ambjent iżda dak propost jista’ jintuża minn kwalunkwe persuna għal azzjoni legali biex saħanistra jiġu abboloxxiti diversi delizzji, tradizzjonijiet, kulturi soċjali, drawwiet, sport, rikreazzjonijiet u prattiċi oħra Maltin.




