Minkejja li fl-intervisti ma’ The Times u Lovin Malta, Adrian Delia ddikjara li ma jridx jerġa jibda jikkampanja, il-bieraħ filgħaxija ħabbar mill-anqas tlett attivitajiet – prattikament wieħed fix-xahar sa tmiem is-sena.
Nies midħla tad-Dar Ċentrali spjegawlna li qed jinterpretaw dawn l-attivitajiet bħala t-tkomplija tal-isfida ta’ Delia fil-konfront ta’ Alex Borg, fejn bl-attendenża numeruża jibgħat messaġġ li hu ‘għadu hemm’,


Fl-istess ħin, Delia qed iħejji għall-Budget li se jkun ippreżentat mill-Ministru għall-Finanżi Clyde Caruana tlett ġimgħat oħra.
Filwaqt li għall-ewwel irreżista t-tneħħija tal-portafoll tas-saħħa, issa qed joqgħod għad-dekasteru tal-finanżi fix-Shadow Cabinet, u se juża din il-pożizzjoni l-ġdida tiegħu biex fgil-ġimgħat li ġejjin jagħmel ħiltu biex jisraq it-tapot minn taħt saqajn il-Kap Alex Borg.

Adrian Delia: mhux se jċedi

Adrian Delia rrifjuta l-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN għaliex ippretenda li jinħatar minn Alex Borg mingħajr ma jkollu jgħaddi minn elezzjoni interna, iżda issa – jemmnu ħafna minn ta’ ġewwa – Delia ma riedhiex biex ikollu alibi biżżejjed b’saħħtu biex ma jinżilx ma’ Borg f’każ ta’ telfa elettorali.
Hu f’dan il-kuntest li ħafna fid-Dar Ċentrali jemmnu li Delia qed iħejji biex jagħti s-salt fuq it-tmexxija ta’ Alex Borg mal-ewwel opportunita fejn tiġġarraf id-dikjarazzjoni li gġamel li kapaċi jirbaħ lill-Partit Lavurista ‘hands down’ anki ‘f’temp ta’ xahar’.
Matul dawn l-aħħar jiem, Delia organizza attivita’ soċjali kbira fejn kellu attendenża kbira ta’ partitarji nazzjonalisti u f’diskors li għamel, sostna: ‘ħasbu li tlaqt ‘l hemm, ħasbu li se nżarmna, imma kif għedtilkom, jiġri x’jiġri, jien hawn se nibqa”.




