Il-paċenżja tal-Kap Nazzjonalista Alex Borg qed tasal sal-limitu tagħha. Adrian Delia qed jaqbeż il-linja sew, u l-imġieba tiegħu qed tikkomprometti kull sforż li qed isir biex il-partit jieħu r-ruħ wara l-bidla fit-tmexxija.
Dan is-sit hu infurmat, li wara t-theddida ċara ta’ Delia lejn Borg f’intervista ma’ The Times fejn sostna li hu kien ikun inkwetat li kieku rebaħ b’44 vot, Alex Borg ta struzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello biex jibgħat għal Delia.
Nifhmu li l-komunikazzjoni bejn Alex Borg u Adrian Delia qed isiru biss permezz ta’ Charles Bonello. M’hemm l-ebda komunikazzjoni diretta bjn it-tnejn.
Fil-laqgħa, msejħa għal-lum, Borg irid jagħmilha ċara ma’ Delia li kemm hu, kif ukoll il-Grupp Parlamentari ma jistgħux jibqgħu jinżammu ostaġġi tax-xenati tiegħu fuq it-Times u fuq Lovin Malta.
Delia jeħtieġ jaqbad u jiddikjara x’se jagħmel fuq il-kariga ta’ Viċi-Kap tal-PN li kien offrut, inkella Alex Borg se jkollu jmexxi u jaħtar ix-Shadow Cabinet tiegħu bla Delia Viċi-Kap.
Delia qed jinsisti li jekk Alex Borg irdu joqgħod bħala Viċi-Kap tal-PN, allura irid jaħtru direttam,ent u ma jmurx għal elezzjoni interna. Ħaġa li Borg ma jistax jagħmel għaliex hu marbut bl-istatut.
Sadanittant, ħafna fi ħdan id-Dar Ċentrali huma tal-fehma li tant Alex Borg tilef il-paċenżja ma’ Delia li diġa ddeċieda li jgħaddi għal ‘Plan B’ mingħajru.




