Francine Farrugia m’għadx għandha l-appoġġ kummerċjali tal-MaltaPost.
Fl-isfond tal-akkużi serji ta’ serqa ta’ madwar €2.3 miljun minn fondi pubbliċi biex għexet stil ta’ ħajja ta’ lussu, il-MaltPost ġabbret bi stqarrija li s-servizzi tagħha fis-Siġġiewi twaqqfu kompletament mill-ħanut ‘Il-Mafkar Gift Box’ tal-eks Kunsilliera Nazzjonalista Francine Farrugia.

Francine Farrugia għadha qed tinżamm fil-Ħabs ta’ Kordin, wara li ma setgħetx tħallas il-pleġġ ta’ €50,000 biex tingħata l-liberta’ proviżorja.

#Inizjalment is-servizz kien ġie sospiż temporanjament f’żewġ okkażjonijiet mindu Farrugia tressqet il-Qorti fil-bidu tax-xahar li għadda fejn ġiet akkużata li serqet mat-€2.3 miljun mill-MCAST.
Il-ħanut tagħha, fi Triq it-Tabib Nikola Zammit, jinsab ukoll taħt investigazzjoni tal-Puliżija bħala parti mill-patrimonju ta’ proprjetajiet li Farrugia xtrat matul l-aħħar snin, waqt li allegatament kienet qed twettaq ir-reati.
Fl-istqarrija dalgħodu, il-MaltPost qalet li s-servizzi tagħha issa ġew trasferita għal ħanut ieħor fis-Siġġiewi, Ta’ Ġużè Stationery Gift Shop, li fi Triq San Nikola.





