“Minkejja l-għajnuna kollha li tajna lill-familji u lin-negozji matul ħames snin sħaħ ta’ sfidi internazzjonali, il-finanzi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom u ninsabu f’pożizzjoni li nippreżentaw Budget ieħor tajjeb minn sensiela.” Qal dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-Budget 2026.
Huwa spjega t-tbassir ekonomiku b’saħħtu li għandu pajjiżna, dak ta’ 4.1% fl-2025 u 4.0% fl-2026. Dawn ic-ċifri jaqbżu b’mod sinifikanti l-medja tal-Unjoni Ewropea dik ta’ 1.1% u 1.5% rispettivament.
Ir-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna tissupera wkoll dik tal-Unjoni Ewropea, b’rata b’saħħitha ta’ 82.1% meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 75.3%. Pajjiżna għandu wkoll l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-UE fl-ewwel kwart tal-2025, b’rata ta’ 84.1% meta mqabbla mal-medja ewropea ta’ 75.8%.
Il-Ministru Caruana qal li r-rata ta’ qgħad f’Malta hija l-inqas fost il-pajjiżi Ewropej, dik ta’ 2.5% irreġistrata f’Ġunju 2025, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 5.7% u l-medja taż-Żona Ewro ta’ 6.0%.
“Dan il-pajjiż fi tnax -il sena, għamel biddla enormi fis-suq tax-xogħol. Konna l-aħħar fil-klassifika, illum qegħdin fl-ewwel post mill-pajjiżi kollha Ewropej bl-iktar nies jaħdmu,” sostna l-Ministru Caruana.
L-inflazzjoni mistennija tonqos b’mod sinifikanti fis-sentejn li ġejjin, b’rata ta’ 2.3% għal din is-sena u terġa’ tinżel għal 2.0% fl-2026.
Id-dħul mit-taxxi żdied minn €5.865 biljun fl-2023 għal €7.182 biljun fl-2024, b’żieda f’kull komponent tat-taxxa, inkluż taxxa fuq id-dħul, dwana u dazji, VAT, liċenzji u kif ukoll kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Il-Ministru spjega li l-infiq kapitali żdied minn €998 miljun fl-2023 għal €1.140 biljun fl-2024, attribwit għall-proġetti infrastrutturali u investiment ieħor. Fl-istess waqt, l-infiq rikorrenti żdied minn €6.007 biljun fl-2023 għal €6.890 biljun fl-2024, minħabba żidiet fil-ftehimiet kollettivi, pagi, kif ukoll programmi u inizjattivi oħra.
Is-sussidji fuq l-ikel u l-enerġija naqsu minn 1.2% tal-PDG fl-2023 għal 0.9% fl-2024, bit-tbassir juri tnaqqis ulterjuri għal 0.8% fl-2025 u 0.7% fl-2026, li jgħin biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-kunflitti internazzjonali u jsaħħaħ ir-reżiljenza.
Is-sostenibbiltà fiskali se tibqa’ prijorità ewlenija għall-istati membri tal-UE fis-snin li ġejjin. Wara s-snin tal-pandemija, id-defiċit ta’ Malta naqas minn 4.6% fl-2023 għal 3.6% fl-2024, bit-tbassir juri iktar titjib għal 3.2% fl-2025. Huwa mistenni li għall-2026, id-defiċit jinżel taħt it-3.0% tal-PDG filwaqt li r-rata tad-dejn mal-PDG tibqa’ taħt is-60.0%. Għall-2025, ir-rata tad-dejn ġenerali mistennija tkun ta’ 47.2%, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 81.8% u mill-limitu ta’ 60%.
Il-Ministru Clyde Caruana qal, “Se jkun Budget li jagħti lill-ekonomija u fiskalment responsabbli għaliex dawn ir-rizultati kollha li ħabbart illum jistrieħu fuq l-għaqal li dan il-pajjiż mexa biħ fl-aħħar snin. Kburi li mill-bidu nett tal-kriżijiet globali, ħadna deċiżjonijiet għaqlin. Dak iż-żmien ġejna kritikati minn diversi pajjiżi. Illum, dawk l-istess pajjiżi qed jagħmlu bħalna għaliex kienu l-aqwa deċiżjonijiet għall-pajjiż u għan-nies.”




