Sa minn sbieħ il-Ħadd li għadda, meta tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia għadda minn diversi fażijiet strambi ta’ komunikazzjoni. Mis-skiet totali, għal posts kriptiċi fuq Facebook, u ritratti b’sorpiża tiegħu fid-Dar Ċentrali, l-ewwel fuq mejda ma’ Alex Borg taħt it-titlu ta’ ‘Flimkien’, u wara oħrajn taż-żewġt’ irġiel flimkien waqt laqgħa tal-amministrattiv u tal-eżekuttiv, fejn għal darb’ oħra reġa’ feġġ ritratt ta’ Delia u Borg jitgħannqu.
Iżda lil hinn minn dawn ir-ritratti u pożi, bejn Adrian Delia u Alex Borg għaddejja gwerra bierda, bl-istaff tal-Kap Nazzjonalista elett jkunu b’sebgħa għajnejn fuq Delia, għal kull post, dikjarazzjoni jew statement li jsir minn nies taċ-ċirtku viċin ħafna ta’ Delia.
Dan għaliex Adrian Delia għadu ma niżżilx it-telfa, għadu qed jikkontempla l-mossa li tmiss u fuq kollox għadu qed jirrifjuta l-offerta li gġamillu Alex Borg biex ikun il-Viċi-Kap tal-PN.
Nifhmu li l-kuntat bejn Delia u Borg qed issir permeżż tas-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, li hu magħruf għalk0qrubija tiegħu ma’ Delia, u hu mifhum li kien Bonello stess li kkonvinċa lill-istess Delia milli jmur il-Qorti u jisfida r-riżultat tal-elezzjoni fuq il-bażi tad-dubji fuq votanti li jew ngġataw il-vot meta ma kellhom id-dritt, jew min ma vvutax għax ma tawħx il-vot.
Fi kliem Adrian delia u tal-campaign manager tiegħu Pawlu Borg, dawn il-voti setgħu biddlu l0kors tar-riżultat tal-elezzjoni li spiċċat b’distakk ta’ miserja ta’ 44 vot biss.
Delia hu rrabjat ħafna għar-riżultat u jemmen li kien hemm ħafna li ħadmu kontrih, minkejja li fid-deher kienu warajh, ċerti esponenti tal-PN baqgħu silenżjużi u lanqas tniffsu fuq ir-riżultat..
Delia qed iħossu ttradt minn Alex Borg u għadu jredden fuq l-allegat ‘ftehim’ li kellu miegħu biex ma jikkontestax. B’hekk Adrian Delia qed jirraġuna li safa’ misruq minn rebħa ċerta. Iżda li mhux qed jaċċetta l-aktar hi l-umiljazzjoni kbira li sofra quddiem il-PN.
Delia għamilha fatta li r-rebħa kienet tiegħu. Iżda kif seta’ jitlef meta kellu kwasi l-Grupp Parlamentari warajh? Ħadmuh?
Delia mhux qed jafda lil ħadd u beda jitqies bħala a ‘loose cannon’ fejn f’mumenti ta’ rabja jaqbad u jispara dikjarazzjonijiet bl-addoċċ u li kapaċi jofixklu l-proġett politiku ta’ Alex Borg.
Alex Borg = l-eks delfin tiegħu – illum hu l-Kap tal-PN, hu l-Kap ta’ Adrian Delia.
Waqt il-kampanja elettorali Delia kien jirrepeti li jiġri x’jiġri, hu kien se jkun leali lejn min jirbaħ.
L-elezzjoni għaddiet, il-kap hu Alex Borg, iżda Delia għadu sa dan il-mument ma ddikjara l-ebda lealta’ lejn Alex Borg.





