Adrian Delia mhux qed jikkonvinċi. Mhux qed jikkonvinċi lil tat-Times, li l-bieraħ ipprova jillixkahom permezz ta’ sieħbu Paul Borg b’messaġġ dwar 100 vot li setgħu biddlu r-riżultat li kieku l-Kummissjoni Elettorali tal-PN irreġistrathom.
Filwaqt li The Times ippubblikat il-mistoqsijiet dwar dawn il-100 vot, Adrian Delia kien qed ilesti biex jiftaħ il-Qorti b’urġenża biex jikkontesta r-riżultat. L-artiklu ta’ The Times kellu jkun il-preludju għall-kawża sakemm il-PN ħareġ stqarrija jiċħad l-anomlija, u li r-riultat kien korrett

Ġara iżda li Delia kellu jdawwar ir-rotta u jieqaf ħesrem milli jiftaħ il-kawża wara intervent b’saħħtu ta’ persuna li għarrfitu li jekk kemm il-darba jiftaħ il-kawża kontra l-PN, allura hu kien se jitgħabba bir-responsabbilta’ ta’ ħsara li kapaċi jtellef l-elezzjoni ġenerali lill-PN.

B’hekk Delia għamel U-Turn kolossali, u ġibed lura t-theddida li għamel b’ħanxra kbira fil-lejla tal-għadd tal-voti li kien se jtella’ lill-Kummissjoni Elettorali l-Qorti.


Iżda dalgħodu, minkejja ċ-ċaħda tiegħu, The Times xorta ippubblikat l-istorja tal-ittra ta’ Paul Borg u l-ilment dwar il-100 vot. Fi ftit kliem, la bdieha Delia, kienu se jompluha u The Times kienu qed ikunu ċari miegħu li ħadd mhu se jużahom għall-logħob politiku u pervers tiegħu.





