L-anomalji fil-mod ta’ kif saru ċerti investigazzjonijiet, il-motivazzjonijiet sfaċċatament parttiġġjani u l-kollużjoni mal-Avukat Jason Azzopardi kienu fiċ-ċentru ta’ tlett siegħat ta’ xhieda tiegħi fejn issostanżjajt dak kollu li jien ktibt f’dawn l-aħħar xhur dwar kif tmexxew l-affarijiet fi ħdan l-FCID.
Fil-qofol ta’ kollox hemm id-Digriet mogħti mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ix-xahar li għadda, li prattikament poġġiet fl-iżbarra lil Jason Azzopardi, fejn talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll lill-Kummissjoni Permanenti dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jinvestigawh fuq imġieba skorretta, mhux etika u abbużiva.
L-investigazzjonijiet mitluba mill-maġistrat Frendo Dimech se jikxfu l-għatu ta’ borma li ilha ttektek u laħqet il-punt li għaliet sew u b’hekk se jkunu magħrufa d-dettalji tal-iskema moqżieża, partiġġjana u falża wara s-sensiela ta’ talbiet għal Inkjesti Maġisterjali.
Fix-xhiedha tiegħi spjegajt kif l-iskema tinvolvi lil Jason Azzopardi u ddur madwar ir-roster tal-maġistrati li jkunu tal-għassa, uffiċċjali tal-Pulizija u ġurnalisti, lkoll tal-qalba u li kapaċi jkunu ta’ spalla f’iniżjattiva li fil-mira jkunu politiċi u attivisti tal-Partit Laburista.
L-iskema kienet ntiża biex twettaq l-aktar ġsara possibbli lill-Gvern u lill-Partit Laburista, b’investigazzjonijiet mibnija fuq konġetturi, akkużi mgħaġġla u diffużjoni tal-msejjġa ‘skandli’ fil-media u ċ-ċirku jingħalaq perfettament tond.
Fl-istess ġin li tkun għaddejja l-investigazzjoni, Jason Azzopardi jitġalla jikkordina hu l-inkjesti għall-maġistrati, jfittex u jħuf għas-suppost ‘xhieda’ jorganizza l-aġenda għall-maġistrati biex jisimgħu x-xhieda tagħhom, u fl-istess waqt jiggwida lill-uffiċċjali tal-Pulizija biex jarrestaw, jinterrogaw u jressqu l-Qorti lil min jipiċċa fil-mira tagħhom.
Fuq dan kollu tbnexxqet tieqa importanti fl-awla tal-maġistrat Donatello Frendo Dimech, fejn uffiċċjali tal-ħabs spjegaw kif bl-aktar mod stramb Jason Azzopardi kien iċempel fil-Faċilita’u saħansitra jfeġġ fl-istess faċilita, jagħmilha ta’ avukat ta’ persuni taħt arrest, meta ma jkunx hu l-avukat, u jipprova jipperswadi lin-nies arrestati biex jerqu quddiem il-Maġistrat Inkwirenti u jiggwidahom biex isemmu politiċi jew esponenti Laburisti.
Fuq dan kollu tajt xhieda madwar tlett ġimgħat ilu għal tlett siegħat sħaħ, fejn spjegat kollox bid-dettalji u nsistejt li jkun urrekordjat u dokumentat.
Semmejt ċirkostanżi, ħinijiet u istanżi fuq kif dan il-pjan ħadem sakemm inkixef minn dan is-sit u sussegwentement fil-Qorti.
Nistenna intant l-eżitu tal-investigazzjoni parallela ordnata mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mill-Pulizija u mill-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fil-konfroint ta’ Jason Azzopardi.
Minn din l-investigazzjoni għandu jinkixef kulħadd, inklużi Maġistrati, Uffiċċjali tal-Pulizija u ġurnalisti.
Wasal il-mument li din il-mafja twieġeb għal għemilha.




