Nitbellaħ u niċċassa kif fil-Partit Nazzjonalista l-affarijiet ovvji malajr jitgħattew u Alla jbierek, f’daqqa waħda kollox isir qisu m’hu xejn, u agħar minn hekk, tinduna fuq kemm il-PN hu tassew perikoluż għall-pajjiż, għaliex hu mibni fuq il-falż u l-ingann għal għajn in-nies.
Issa li deħlin lejn ix-xahar sħun t’Awwissu, deħlin lejn l-eqqel tal-kampanja batuta u bla entużjażmu għall-għażla ta’ Kap ġdid tal-PN, b’Alex Borg u Adrian Delia jikkonfrontaw lil xulxin għal din il-kariga, nintebħu bl-ipokreżija li tirrenja fi ħdan il-PN.
Ta’ kuljum qed inkunu xhieda ta’ sitwazzjoni redikola ta’ dawk li nafu kemm huma estremisti, jew li huma viċin il-fażżjoni tal-estremisti, jiddandnu u jippużaw mal-kontestanti, meta nafu b’ċertezza li dawn ma jaħmlux lil xulxin, anżi ħadmu b’saħħa kontrihom, u issa narawhom f’rumanż assurd, ntiż biex ikomplu jżommu l-kontroll tal-partit kif dejjem għamlu.
Nafu lkoll li l-klikka ta’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami qatt ma niżżluh lil Adrian Delia, u wisq anqas lil Alex Borg. Issa Alla jbierek, saru ‘qrinb xulxin’.

Nafu kif matul dawn l-aħħar snin, Kemm Delia, kif ukoll Borg kienu fil-mira ta’ attakki ħorox minn dik il-klikka estrema. Illum dawn saru ħaġa waħda ma’ Delia għaliex bl-aktar mod sfaċċat, intlaħaq il-kompromess tal-protezzjoni, u fl-istess waqt hemm il-ftehim biex maż-żmien, nies bħal Alex Borg jiġu eliminati darba għal dejjem mill-PN.
Hu inutli li Alex Borg – meta jitkellem mal-media jew man-nies – joqgħod ikun apoloġetiku għal dawn l-elementi estremi u perikolużi fil-PN. Diskorsi bi kliem ta’ ‘inklussivi’ u ‘ħidma f’għaqda’ huma stupidi, sakemm Borg mhux stupidu daqs kemm jaħseb li huma stupidi n-nies.

Jekk Alex Borg għadu ma fehemx li biex il-PN jinxi l-quddiem, u li jgħid l-affarijiet kif inhuma biex isalva lill-PN minn dak li fil-verita’ hu, allura jrid ikun sfaċċat daqs l-avversarji interni tiegħu fil-Partit.
Kif jista’ Alex Borg ma jitkellimx fuq l-alleanża oxxena u ipokrita ta’ Adrian Delia ma’ Jason Azzopardi?
Spjegawli kif Alex Borg, b’Beppe Fenech Adami bil-qiegħda quddiemu f’Birkirkara din il-ġimgħa ma ġietux f’moħħu li juża dik l-opportunita li jumiljah kif għamel waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari, u bl-istess mod kif Kevin Cassar – ħaten l-istess Beppe Fenech Adami – għaddieh passata u taħ it-tikketta ta’ ‘Trojan Horse‘.
Ma nafx jien imma mill-partitarji tal-PN m’hemm ħadd li jiftaħlu għajnejh jew li jiggwidah lil Alex Borg?

Hemm l-allenża assurda ta’ Chris Said ma’ Adrian Delia, maħluqa biżżilla biex jiddgħajjef Alex Borg. Ma ndunax Alex Borg possibbli li qed jaħdmuh?
Hemm Beppe ieħor, jismu Beppe Galea, hu s-Segretarju Internazzjonali tal-PN, hu Għawdxi bħal Alex u għarus lit-tifla ta;’Bernard Grech.
Dan Beppe Galea, li hu viċin ħafna ta’ Beppe Fenech Adami issa sar ‘viċin’ ta’ Alex Borg! Jirringrazzjah, jappoġġjah u jeloġjaħ!

B’min mingħalihom qed jitnejjku?
U bilħaqq, minn madwar 20,000 tesserat anżjan mal-PN, kif waqt laqgħa mal-APAN aktar kmieni din il-ġimgħa, attendew biss sitta għal laqgħa ma’ Alex Borg?
Xi ħadd jista jispjega x’inhu jiġri? Jew għallinqasa, jista’ xi ħadd mill-partitarji ġenwini tal-PN jiftaħ għajenjn Alex Borg qabel ma jkun tard wisq?





