Mijiet ta’partitarji li sellfu l-flus mit-tfaddil tagħhom lill-Partit Nazzjonalistam bdew jistaqsu fejn u kif inħarqu flushom, biex id-dejn tal-Partit flok tnaqqas, żdied gġal €42 miljun.
Nies li tkellmu magħna – fil-parti l-kbira tagħhom anżjani – spjegaw lil dan is-sit, kif meta marru biex jirkupraw flushom lura mingħand il-PN, spiċċaw ħarġu b’idhom f’odhom wara li nsistew magħhom biex jikkunsidraw iddawru s-self f’donazzjoni, għaliex ma kienx hemm minn fejn jitħallsu. Spiċċaw biex qalulhom li jekk iridu flushom lura, iridu jistennew xi maratoni ġbir ta’ fondi u jħallsuhom bil-mod.
L-iskema taċ-ċedoli nħolqot fi żmien l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil b’kollaborazzjoni ma’ Ann Fenech li kienet il-President tal-PN, u kienet intiża biex tgħin lill-PN itaffi mill-problema finanżjarja li kellu.
Wara Simon Busuttil mbgħad ġew Adrian Delia li bl-għajnuna tal-mibki Robert Arrigo bdiet tkun indirizzata l-problema tal-flus tal-PN, iżda mal-miġja ta’ Bernard Grech kollox mar żmerċ u d-dejn tela minn €32 miljun għal €42 miljun.
Dan filwaqt li reġa’ hemm kumpanniji li qed iħallsu l-pagi ta’ xi uffiċċjali u impjegati tal-PN.
Filwaqt li ħadd m’għandu r-risposti dwar fejn inħarqu dawk il-flus kollha li tawhom il-partitarji biċ-ċedoli, kif ukoll il-miljuni l-oħra li nġabru tul dawn l-aħħar snin waqt il-maratoni ġbir ta’ fondi, ħafna huma dawk li qed isostnu li mhux ta’ b’xejn f’ħames snin ta’ tmexxija ta’ Bernard Grech qatt ma kienu ppreżentati u ppubblikati l-accounts skont kif titlob il-Liġi.
Osservaturi politiċi qed isostnu li mhux veru li l-PN sab awditur, għaliex l-ebda awditur tal-affari tiegħu ma jippermetti li ma jżommx mad-dati tal-għeluq ta’ sena finanżjarja. L-ebda awditur serju m’hu se jaċċetta jidħol biex jiffitrma l-kontijiet tal-PN, għaliex ikun qed idaħħal lilu nnifsu fl-inkwiet, u potenżjalment jitlef il-warrant.
Is-sitwazzjoni fil-PN tant hi serja li l-ażjendi bħal Net TV, Net FM u l-gazzetti In-Nazzjon u il-mument qed jgħixu ġurnata b’ġurnata.
Partitarji li tkellmu magħna esprimew l-għadab tagħhom lejn il-PN għall-inkompetenża kbira li qed juri fl-amministrazzjoni tal-finanżi tal-PN, u qed jistaqsu għal intervent tar-regolatur tas0suq finanżjarju l-MFSA, kif ukoll tal-Kummissjoni Elettorali qabel ma jkun tard wisq.
‘Il-PN jippontifika kontra l-ogħli tal-ħajja, u li jrid il-governanża tajba fil-pajjiż. Imma kif> Jekk hawnhekk qed jisriqu u jitnejjku bina stess li nivvutawlhom, kif jistgħu qatt ikunu fdati fil-Gvern?’temm jgħidilna partitarju anżjan.