STQARRIJ ATL-PARTIT LABURISTA
Il-Partit Nazzjonalista il-bieraħ ivvota kontra t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar l-emendi kostituzzjonali, fosthom għall-effiċjenza u l-kontabilità fil-ġudikatura.
L-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Gvern jitratta riforma mħabbra mill-Prim Imħallef innifsu, li mhux hu biss iridha, imma wkoll l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura.
Din ir-riforma hija ntiża biex jinħoloq mekkaniżmu ta’ skrutinju ġdid fuq il-membri tal-ġudikatura għal iktar kontabilità lejn il-poplu, bl-introduzzjoni ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, li jaġixxi bħala punt ta’ riferiment indipendenti għall-investigazzjoni ta’ ilmenti kontra ġudikanti.
Bil-vot kontra mill-Partit Nazzjonalista jfisser li jrid iċaħħad lill-poplu minn dak li l-ġudikatura stess trid. B’hekk il-paladini tas-sewwa u s-saltna tad-dritt, ma jridux li s-sistema ġudizzjarja tkun responsabbli u kredibbli b’konformità mal-prinċipji Ewropej u internazzjonali ta’ governanza tajba u d-dritt għall-proċess ġust.
Gvern Laburista jrid li jagħti prijorità lil dan is-settur u jassigura imġiba xierqa mill-ġudikatura biex jogħlew l-istandards etiċi tagħhom, kif ukoll li jinżammu l-prinċipji tal-indipendenti u imparzjali fil-ħidma tagħhom.
Madanakollu, l-Oppożizzjoni hi maħtufa mill-klikka estremista tal-Partit Nazzjonalista, u qed tieħu pożizzjoni konservattiva u paritġġjana, flok taħdem fl-interess tal-poplu u lejn l-iżvilupp kostituzzjonali ta’ pajjiżna b’mod matur.