Għażiż Partit Laburista,
Ippermettili niktiblek għażiż Partit int li ftaħtli l-bieb beraħ biex nimmilita fi ħdanek.
Wrejtni mħabba u wrejtni kif il-kobor tiegħek hu msejjes fuq il-prinċipju ta’ familja, l-għaqda u fuq l-isforz kollettiv.
Nibqa eternament grat lejn din l-imħabba u l-għożża li ta’ kuljum tkun muri lejja bħala persuna li rmejt għal kollox il-passat tiegħi mal-Partit Nazzjonalista, li minflok l-għaqda jew il-ġid nazzjonali, il-PN għażel li jkun kattiv, vendikattiv u fuq kollox ossessjonat bil-poter.
Seba’ snin bħala xandar kuljum permezz tal-programm Pjazza, wassalni biex sirt naf lill-attivisti kollha, lid-delegati u lill-uffiċċjali kollha tal-Partit, Lkoll nies twajba, ġenwini u b’imħabba kbira lejn dik l-arma li tul is-snin batew għaliha.
Iżda llum, kwasi 12-il sena wara dik ir-rebħa elettorali storika tal-2013, fejn elezzjoni wara l-oħra minn Joseph Muscat sa Robert Abela, int għażiż Partit ikkonsolidajt ruħek bħala l-akbar u l-aħjar forza politika fil-pajjiż.
Dan ma sarx b’kumbinazzjoni, iżda għaliex għaraft tkun tassew it-tarka btal-ħaddiem, tal-familja tiegħu u għaliex le, anki ta’ dak in-negożjant żgħir, medju, kbir. Fuqkollox dawn isostnu wkoll l-ekonomija, jirriskjaw flushom, jimpjegaw lin-nies, u jagħtu x’jieklu lill-familji tagħhom.
Iżda ppermettili għażiż Partit, hemm xi nuqqasijiet li nixtieqek tindirizza, li fl-opinjoni umli tiegħi jinħtieġu jkunu ndirizzati biex dik l-għaqda tibqa’ tkun ippresevbata u ntatta.
Taf daqsi għażiż Partit Laburista, li tul ml-eżistenża politika tiegħek, kien hemm bosta li tul id-deċenni tawk bis-sieq, żebilħuk, ikkalpestawk u ttestjaw ir-reżiljenża tiegħek.
Il-partitarju Laburist baqa’ leali, ġarrab iżda baqa’ sod u baqa’ jemmen fik.
Dak hu l-kobor tiegħek għażiż Partit, li int mibni fuq sisien sodi ta’ persuni ordinarji, ħaddiema onesti u ħabrieka. Li jemmnu fik, jarawk bħala l-gwida u fuq kollox l-ispirazzjoni għall-ġejjieni ta’ wliedhom.
Minkejja s-suċċessi u l-kisbiet ekonoimiċi u soċjali kbar matul is-snin, hemm iżda ħaġa li qed iddejjaq lill-partitarju. Dak li int bħala Partit glorjuż tibża’ wisq.
Tibża mill-attakki tal-avversarju tiegħek. Tibża turi sninek meta r-raġuni tkun favur tiegħek.
Għaliex din il-biża? Għaliex tbaxxi rasek għal minoranza li kulma taf hu li tinbaħ lejk u lejn niesek, sempliċiment għaliex jismek Partit Laburista?
Qed ngħid dan kollu għaliex bħalma taf, f’dawn l-aħħar jiem ħriġt għonqi biex nikkritika lill-Gvern għall-għoti ta’ kuntratt ta’ €25,000 lil Mark Camilleri, li minnhom ħa €10,000 bil-quddiem.
Ippuntajt subgħaja lejn Ministru partikolari u tlabtu jassumi r-responsabbilta. M’għamiltux b’kapriċċ, iżda għamiltu biex għallinqas, dak il-Ministru, Ministeru, entita’ jew li hu, jinduna li dak il-kuntratt jista’ jitqies bħala ‘patt max-xitan’.
Iva patt max-xitan, għaliex ma’ Mark Camilleri ma jista’ jkun hemm qatt djalogu matur jew kuntatt kummerċjali.
Mark Camilleri weġġa’ bil-kbir lin-nies tiegħek għażiż Partit. Wħud minnhom sfaw attakkati bl-aktar mod krudili minnu fl-aktar żmien vulnerabbli tagħhom: it-tqala.
Mark Camilleri m’għandux limitu. Mhux ġurnalist, iżda psiko-terrorist, li juża l-informazzjoni bħala arma tar-rikatt, u jitterroriżża lil niesna b’attakki sfrenati u nsensati.
Għażiż Partit, jien li ta’ kuljum nitkellem ma’ għadd ta’ partitarji u attivisti tiegħek, naf il-weġgħa li qed iħossu mijiet u mijiet ta’ partitarji minħabba dan il-kuntratt.
Ma rridx ninstema’ jew ninftiehem bħala xi ħadd li qed jgħir għal Camilleri. Affattu! Anżi nippreferi mmut bil-ġuħ milli naspira nkun bħal Mark Camilleri.
F’ġieħ is-sewwa, u bl-akbar umilta’ nitolbok għażiż Partit biex tfiehem lill-Gvern li r-rispett lejn il-pedamenti tal-partit, lejn l-għeruq tal-Partit għandu jitqies f’kull deċiżjoni.
Iva hemm separazzjoni ċara bejn Partit u Gvern, iżda fl-aħħar mill-aħħar huma l-votanti li jpoġġu l-Gvern f’Kastilja.
Għaldaqstant, għażiż Partit, fiehem lill-Gvern, li l-kuntratt lil Mark Camilleri hu donnu kuntratt mogħti lix-xitan biex jikkundanna lil niesek fl-infern.
Jien intant, nibqa’ leali lejk, ngħożżok b’imħabba u lealta’ u se tarani fuq quddiemnett biex niddefendik u nipproteġik kontra kull għawġ. Dak hu dmiri, bħalma hu d-dmir tiegħi, li nwassallek dan il-messaġġ minn qalbi.
Jekk jgħoġbok għażiż Partit, żgura li dak il-kuntratt ikun revokat llum qabel għada.
Dejjem tiegħek,
Karl Stagno-Navarra