Awguri Mariah Meli għall-ħatra tiegħek illejla bħala s-Sindku Laburista f’Ħal-Għargħur!
Id-destin tas-Sindku sfiduċjata Helen Gauci kien miktub fid-destin ta’ min jirrapreżenta Partit li hu fallut politikament u finanżjarjament.
Mhux każ ta’ maġġoranża miksuba f’elezzjoni, iżda l-problemi maħluqa mis-Sindku sfiduċjata li wasslet għal din il-bidla għall-ġid tal-lokalita’.
Bil-kontra ta’ kif qed jippruvaw ipinġu l-affarijiet tal-PN, Helen Gauci għandha biex tirrispondi għal ħafna nuqqasijiet, tant li saħansitra urtat lill-Viċi Sindku tagħha stess, Francesca Attard, li rriżenjat u marret indipendenti.
L-irregolaritajiet finanżjarji u l-bużullotti li seħħew taħt it-tmexxija ta’ Helen Gauci fil-lokal, huma riflessjoni tal-istat finażjarju tal-biki li jinsab fiħ il-PN, kif ukoll f’lievell ta’ tmexxija li f’ħames snin qas ma kien kapaċi jippubblika l-kontijiet finanżjarji tiegħu.
Konvint li b’Mariah Meli fit-tmexxija tal-lokalita’, ir-residenti se jaraw id-differenża.
===
Intant, fi stqarrija mill-Partit Laburista, ġie irrimarkat kif wara l-laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, li saret illejla, ġiet diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci li tressqet il-ġimgħa l-oħra.
Fi tmiem il-laqgħa ttieħed vot mill-5 kunsilliera ta’ Ħal Għargħur biex jiddetermina l-futur ta’ din il-lokalità. Il-mozzjoni kisbet l-appoġġ ta’ tliet kunsilliera – tnejn tal-Partit Laburista u tal-kunsilliera Indipendenti – bil-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jivvutaw kontrieha.
B’hekk għaddiet il-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista, li tipproponi wkoll li s-Sindku l-ġdida tkun il-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, filwaqt li l-Kunsilliera Indipendenti Francesca Attard tibqa’ żżomm il-kariga attwali ta’ Viċi Sindku.
Dan ir-riżultat ifisser li fil-jiem li ġejjin, Mariah Meli se tieħu l-ġurament bħala Sindku ta’ Ħal Għargħur u għall-ewwel darba fl-istorja din il-lokalità se tkun immexxija mill-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista jilqa’ l-eżitu tal-vot tal-lum, b’rispett lejn id-demokrazija, kuntrarju għall-mod kif qed jindirizza s-sitwazzjoni l-Partit Nazzjonalista. Dan għax flok qed jiżgura li l-Kunsilliera tiegħu jaġixxu b’governanza tajba u bi trasparenza f’din il-lokalità, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jfixkel il-perkors ta’ proċess demokratiku li jiddetermina kif jaqbel lilu l-kompożizzjoni ta’ dan il-Kunsill.
Il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-Kunsilliera u spiċċa bi 2 minn 5, u għandu jirrispetta dan ir-riżultat, kif il-Partit Laburista rrispetta riżultati ta’ Kunsilli oħrajn li huma ffurmati b’mod simili għal dak ta’ Ħal Għargħur.
M’hemmx dubju li d-deċiżjoni tal-Kunsilliera Laburisti u dik Indipendenti ta’ Ħal Għargħur ittieħdet fl-aħjar interess tar-residenti Għargħurin li jixraqilhom li l-lokalità tkun immexxija bi trasparenza sħiħa kif titlob il-governanza tajba.