STQARRIJA TAL-PARTIT LABURISTA
Id-deċiżjoni tal-Kunsilliera Laburisti u dik Indipendenti ta’ Ħal Għargħur li titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija tas-Sindku Helen Gauci ttieħdet fl-aħjar interess tar-residenti Għargħurin li jixraqilhom li l-lokalità tkun immexxija bi trasparenza sħiħa kif titlob il-governanza tajba.
Il-mozzjoni fil-fatt tressqet wara diversi talbiet biex tingħata informazzjoni dwar nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari li kienu qed isiru mis-Sindku Nazzjonalista. Minkejja talbiet ripetuti, il-Kunsilliera Laburisti u Indipendenti qatt ma ngħataw sodisfazzjon dwar dan u baqgħu jinżammu fl-għama u fl-istess waqt kienu mitluba japprovaw il-ħlasijiet xahar wara xahar.
Tant hemm nuqqasijiet kbar fit-tmexxija finanzjarja li minkejja li l-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni għal diversi nuqqasijiet, dawn baqgħu ma ġewx indirizzati. Barra minn hekk, sal-lum għandu ma ġiex finalizzat jew preżentat ir-rapport finanzjarju tal-2024.
Dan mhux attakk fuq id-demokrazija, kif qed jipprova jallega l-Partit Nazzjonalista. It-3 kunsilliera li qed jappoġġjaw il-mozzjoni aġixxew skont l-Att dwar il-Gvern Lokali u l-mozzjoni jeħtieġ tiġi approvata mill-Kunsill qabel tidħol fis-seħħ.
Id-demokrazija titlob għall-kisba tan-numri, iżda teħtieġ ukoll iż-żamma ta’ dawk in-numri – xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jagħmel fil-każ ta’ Ħal Għargħur meta ftit ġimgħat ilu tilef il-maġġoranza u spiċċa b’2 Kunsilliera jirrappreżentawh, 2 Kunsilliera f’isem il-Partit Laburista u Kunsilliera Indipendenti.
Il-Kunsilliera Laburisti u Indipendenti li ressqu l-vot ta’ sfiduċja fis-Sindku kienu jonqsu lir-residenti li kieku m’għamlux dan u qegħdin josservaw il-ġurament li ħadu fil-ħatra tagħhom li jaġixxu mingħajr biża’ jew favur. Qed jagħmlu dan b’sagrifiċċju personali għalihom.