Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus hu mistenni li jivvota biex jiċċensura lil ‘sieħbu’ Alex Borg quddiem il-Kumitat dwar l-Istandards, u b’hekk – flimkien ma’ Mark Anthony Sammut – jgħolli s-siparju fuq it-tpattija tal-fażżjoni estremista fil-PN kontra d-Deputat Għawdxi.
Il-Kumitat Għall-Istandards ppresedut mill-iSpeaker Anġlu Farrugia mistenni jiltaqa fil-jiem li ġejjin biex jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab ksur ta’ etika min-naħa ta’ Alex Borg b’dikjarazzjonijiet li kien għamel dwar il-Forti Chambrai.
Dan ir-rapport li jimplika li Borg ma mexiex bil-galbu mistenni minn Deputat tal-Kamra qed jintuża mill-fażżjoni tal-estremkisti fil-PN mmexxija mill-aħwa Karol u Robert Aquilina, kif ukoll minn Beppe Fenech Adami bħala l-bażi għas-sospensjoni u t-tkeċċija eventwali tad-Deputat Għawdxi mill-Grupp Parlamentari tal-PN.
L-estremisti qed jużaw dan ir-rapport biex irażżnu l-ambiżżjoni ta’ Alex Borg li joħroġ għal Kap tal-PN, kif ukoll biex ipattuhielu għar-ribelljoni tiegħu kontrihom billi qabad u ċempel lill-iSpeaker u esprima solidarjeta’ miegħu wara x-xenata ta’ Karol Aquilina fil-Parlament, li ma attendiex għall-vot kontra l-emendi fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali, kif ukoll ma attendiex għall-protesta bil-borom ta’ Repubblika.
Alex Borg ilu taħt attakk mill-estremisti, tant li Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami ilhom b’kampanja qalila biex irażżnuh, b’ċanfir waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari u b’manuvri wara dahru biex jittellgħu artikli fil-gazzetti kontrih, fosthom b’Kevin Cassar u The Shift News.