Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qed jaħdem b’saħħa kbira biex jippożiżżjona b’kemm jista lill-Kumitati Sezzjonali b’nies leali lejn Bernard Grech, bl-iskop li jkun jista’ jimblokka kull mossa ntiża biex jitneħħa Bernard Grech minn Kap tal-partit.
Matul dawn l-aħħar jiem, mill-uffiċċju ta’ Bonello kienu qed isiuru għadd ta’ telefonati lill-attivisti u kunsilliera attwali biex iħerġġihom jerġgħu jikkontestaw, jew iħajjar attivisti magħrufa biex jikkontestaw l-elezzjonijiet għat-tiġdid tal-Kumitati madwar il-pajjiż.
B’hekk Bonello – mhejjun minn strateġisti oħra fid-Dar Ċentrali – bdew il-ħidma biex jipproteġu lil Grech minn kull mossa li tista twassal għal mozzjoni ta’ tneħħija ta’ Grech, filwaqt li għaddejj ukoll xogħol ta’ konvinċiment mal-membri tal-Eżekuttiv u tal-Amministrattiv biex huma wkoll jimblukkaw kwalunkwe sforż li jista’ jsir biex il-PN jersaq biex ibiddel lill-Kap.
Dan kollu qed iseħħ fl-isfond tal-attakk aħrax li sar il-bieraħ minn SideStreetMalta li minn ħdan id-Dar Ċentrali stess minn fejn jopera dan is-sit soċjali, sejjaħ għal bidla tal-Kap tal-PN, b’editorjal li sostna kif taħt it-tmexxija ta’ Grech il-PN staġna u ma avvanża xejn il-quddiem.
L-attakk tal-bieraħ qed jitqies bħala manuvra ta’ Repubblika – bil-barka tal-aħwa Karol u Robert Aquilina – biex tpattiha lil Grech talli mhux qed jiġbed biżżejjed il-ħabel tagħhom, billi mhux qed ikun daqstant militanti daqs kemm jixtiequh.
SideStreetMalta hu mmexxi minn Jordan Galea Pace li hu meqjus viċin ħafna ta’ Repubblika, li qed iħalli lil Repubblika tużah biex iwasslu l-messaġġ ta’ gwerra kontra Grech.
L-attakk tal-bieraħ wassal ukoll biex mill-amministrazzjoni tal-PN tibda d-diskussjoni biex jinfurmaw lil Galea Pace, kif b’riżultat tal-editorjal tal-bieraħ, post SideStreetMalta m’għadux fid-Dar Ċentrali għaliex mhux qed jafdaw aktar lil Galea Pace.
Illum, Galea Pace mistenni jintalab joħroġ mid-Dar Ċentrali hekk kif beda jitqies bħala ‘żiemel ta’ troja’ ta’ Repubblika fi ħdan l-istess kwartieri tal-PN.
Intant, il-klikka estremista mmexxija minn Karol Aquilina bdiet bil-ħidma separata tagħha biex tibda tiġbor il-firem mingġand it-tesserati għal bidla fil-Kap.
Aktar żviluppi huma mistennija matul il-ġurnata tal-lum, filwaqt li l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari ta’ din il-ġimgħa mistennija showdown bejn Grech u d-Deputati tiegħu, li issa xebgħu bl-inażżjoni ta’ Grech li jikkontrolla lil Karol Aquilina u lil Beppe Fenech Adami.