Malta lesta li tħallas l-ispejjeż għall-ħsarat tal-bastiment fuq livell umanitarju u wara li jitla’ abbord is-surveyor marittimu.
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela fi tweġibiet lill-ġurnalisti dalgħodu.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li pajjiżna ħa pożizzjoni ċara mal-ewwel, fejn intbagħat mal-ewwel is-sokkors.
Wara li kienu kkontrollati n-nirien, kien assigurat li n-nies jinsabu sikuri fuq il-bastiment.
Hawnhekk intqal li Malta għamlet diversi offerti biex dawk abbord jitniżżlu f’pajjiżna, iżda din l-offerta ġiet irrifjutata. Intqal li din l-offerta għadha miftuħa.
Il-Prim Ministru spjega li hemm ukoll żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kienu u għadhom viċin dan il-bastiment fl-ibħra internazzjonali.
Fis-sigħat li għaddew, Malta għamlet offerta li jitla’ surveyor marittimu biex jitla’ jara xi ħsarat hemm u jekk jistgħux jissewwew fuq il-post. Bil-kaptan tal-vapur irrifjuta din l-offerta.
Sigħat qabel kien hemm negozjaturi tal-Pulizija biex jitilgħu fuq il-bastiment, iżda l-kaptan irrifjuta. Bil-Pulizija u l-bastiment għamlu kuntatt permezz tar-radju.
Ġie spjegat ukoll li n-nies abbord għadhom ma tawx lista ta’ x’hemm fuq il-bastiment li hu bla bandiera u mhux kopert b’polża tal-assikurazzjoni.