Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela llejla fakkar il-memorja ta’ Manwel Dimech, fl-okkażjoni tal-104 snin mill-mewt tiegħu li jaħbat għada l-Ħamis 17 t’April.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela jagħti ġieħ lil Manwel Dimech fi Pjazza Kastilja llejla
Manwel Dimech jibqa’ mfakkar bħala l-Malti li emmen bis-saħħa f’pajjiżu. Il-Malti li emmen fl-emanċipazzjoni taż-żgħir u tal-batut, li ried li tidħol ġurnata xogħol ta’ tmien siegħat u li tidħol il-paga minima.
Huwa ried li n-nisa jkunu f’kollox daqs l-irġiel. Emmen fil-ħelsien ta’ pajjiżu tant li ried li Malta ssir Repubblika indipendenti
Dimech iġġieled sal-aħħar għall-ħolma li kellu għal pajjiżna u bata ħafna għal dak li emmen tant li safa skomunikat u fl-aħħar mill-aħħar ġie eżiljat fl-Eġittu fejn miet ‘il bogħod mill-għeżież tiegħu.
Il-Prim Ministru Abela flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista qegħdu bukkett tal-fjuri f’riġlejn il-monument ta’ Manwel Dimech fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta.