Permeżż tal-influwenża tagħhom fuq il-media, kif ukoll permezz tal-Kunsilliera u l-Kumitati Sezzjonali, il-fażżjoni militanti u estremista tal-Partit Nazzjonalista, taw bidu għal kampanja biex ineħħu lil Bernard Grech minn Kap tal-PN.
L-għada tal-pubblikazzjoni tas-survey mill-gazzetta MaltaToday, dan is-sit hu nfurmat li dawn il-manuvri ilhom ftit għaddejjin, iżda bdew jieħdu r-rankatura mill-bieraħ stess permezz ta’ kif is-survey qed jingħata l-ispin fi ħdan il-gruppi ristretti tal-WhatsApp u fil-media soċjali tal-PN.
The Day After, għall-PN qed jitqies bħala iebes ħafna għal Bernard Grech, li jibqa’ jostina ruħu li ma jgħinx lilu nnifsu kontra l-offensiva kattiva tal-estremisti li jridu jfarfru minn fuq spallejhom kull responsabbilta’ ta’ għemilhom, u minflok iridu jsallbu u jtajjru lil Grech.
Propju fil-ġimgħa tal-passjoni, l-estremisti jridu jibdew il-kalvarju u l-agunija ta’ Grech.
Filwaqt li Grech jaf u jifhem l-implikazzjonijiet għalih jekk kemm-il darba jibqa’ ċass u impontenti quddiem l-aggressivita’ tal-estremisti mmexxija minn Karol Aquilina u mgħejjun minn ħuħ Robert bħala l-leader ta’ Repubblika, xorta waħda jibqa’ ma jagħmel xejn.
Fis-siefħat u fil-jiem u ġimgħat li ġejjin, se nsegwu l-kampanja tal-estremisti b’mantra bil-kelma ‘bidla’ kullomkien, bl-iskop li tidħol fl-imħuħ tan-nies. Din ġiet deċiża fiġa, u li se sservi lill-istess estremisti, biex tikkonvinċi lill-partitarji li ‘hekk hemm bżonn’.
Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari ta’ din il-ġimgħa mistennija tkun kruċjali, hekk kif Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami se jkunu t-tandem li se jiftħu l-offensiva kontra Grech u l-moderati, fosthom Alex Borg u Adrian Delia.
Quddiem din is-sitwazzjoni surreali fil-PN, il-partitarji jibqgħu mbellħin u rrabbjati, għaliex jekk il-Kap m’hu qed jagħmel xejn biex itajjar lill-estremisti jew għallinqas jiddisassoċja lill-PN minn magħhom, allura min se jagħmilha?
Żgur li l-estremisti diġa għandhom isem ta’ Kap ġdid minflok Bernard Grech, u qed iżommuh mistur sa ma l-ħin jkun opportun.
Dan l-isem mhux ġdid għall-PN, jafu kemm hu militanti, jaħseb bħalhom, diġa kien hemm u jriduh li jkun hu li jeħodhom sal-elezzjoni sentejn oħra biex mingħalihom jirbħu Kastilja.
Mistennija tkun din l-għajta, li l-estremisti mistennija jippruvaw jipperswadu lill-partitarji fuq il-ħtieġa tal-bidla tal-Kap, għaliex għalihom, Grech mhux qed jaqdi aktar il-ħtiġijiet tagħġhom, jew jilħaq l-aspettativi tagħhom.
Dan l-isem hu: Simon Busuttil!
Li mhux se jgħidu żgur l-estremisti, li Busuttil diġa tilef bil-kbir fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, b’distakk li kien akbar mill-2013.