F’laqgħa għall-attivisti u l-membri tal-Kumitati Seżżjonali tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello hu rrappurtat li wissa li min mhux se jkun qed jiġbed il-ħabel tal-Partit mhux se jitħalla b’xejn, anżi se jiffaċċja tkeċċija.
Il-laqgħa, li saret fid-Dar Ċentrali bħala parti mill-istrateġija għall-attivisti u membri tal-Kumitati Sezzjonali jrisu jafu aktar fuq il-ħidma tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN, Charles Bonello kien ċar ħafna fid-diskors tiegħu magħhom: ‘Jew magħna, jew kontra tagħna.’
Diversi attivisti li attendew għal din il-laqgħa, spjegaw lil dan is-sit li l-attitudni ta’ Charles Bonello hi identika għall-mod ta’ kif kienu qed jitmexxew l-affarijiet fi żmien il-kriżi li ħakmet l-amministrazzjoni ta’ GonziPN, u li tiegħu, Bonello kien parti integrali.
Charles Bonello diġa ma tantx kien popolari mal-attivisti u l-membri tal-Kumitati Seżżjonali tal-PN, u l-mod kif kellimhom waqt din il-laqgħa ma tantx niżlet sew magħhom.
Ħafna esprimew ruħhom magħna li Bonello daħal għall-kariga l-ġdida tiegħu bl-istess attitudni li kellu meta serva fis-Segretarjat ta’ Lawrence Gozni f’Kastilja qabel l-2013.
‘Minn dakinhar ‘l hawn, ma tgħallimna xejn. Fit-tmexxija, arroganti konna u arroganti bqajna. Ara biex trid tgħaqqad partit,’ temm jgħidilna wieħed mill-attivisti, li baqa’ urtat għal kif tkellem Bonello.