Il-klikka militanti u estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-aħwa Karol u Robert Aquilina huma rappurtati li qed ixerrduha ma’ kulħadd li s-survey diżastruż għall-PN li mistenni jkun ippubblikat nhar il-Ħadd li ġej hu tort ta’ kulħadd barra huma.
In-narrattiva tal-aħwa Aquilina u ta’ Repubblika hi li nies bħal Alex Borg u Adrian Delia għandhom iġorru l-ħtija tas-survey, għaliex skont huma ‘esponew fil-pubbliku, kwistjonijiet interni’ kif ukoll li ‘ħadmu kontra l-interessi tal-partit’.
Li mhux qed jintqal iżda hu li s-survey sar f’dawn l-aħħar ġimgħat li matulhom Karol Aquilina għamel xenata sħieħa mal-iSpeaker Anġlu Farrugia fil-Parlament, saret il-kummiedja ta’ Bernard Grech li ħareġ lid-Deputati barra l-Kamra biex jgħatti lil Aquilina, il-leaks mill-PN li kixfu l-kontroll assolut li ħataf Karol Aquilina, u l-protesta fjak tal-borom organizzata minn Repubblika.
Madankollu, l-aħwa Aquilina huma determinati li jwaħħlu f’Alex Borg u f’Adrian Delia għall-gwaj kollu fil-PN u qed imexxuha li huma responsabbli għal dak li qed ifissru bħala ‘kumplott biex jiddestabilizzaw lill-PN’.
Fi kliem ieħor, qed iwaħħlu f’kulħadd barra lilhom nfushom!