Il-kontroversja dwar kif il-Maġistrat Gabriella Vella mexxiet l-inkjesta Maġisterjali dwar l-isptarijiet, ħadet żvolta drammatika.
Dan wara li l-espert Andrew Robert Coles xehed taħt ġurament li hu qatt ma ltaqa’ mal-Maġistrat u lanqas ħa ġurament quddiemha.
Dan igiddeb li hemm miktub fil-proces verbal uffiċjali, ffirmat mill-istess Maġistrat Vella.
Din ir-rivelazzjoni qajjmet għagħa sħiħa fuq il-meżżi soċjali, li żiedet l-iskrutinju fuq l-Inkjesta, u qajjmet sensiela ta’ mistoqsijiet serji dwar il- ta’ responsabbiltà tagħha, u l-possibbilta’ usa: Dik kriminali.
Il-kwistjoni issa, hi dwar min se jerfa’ r-responsabbilta għal dikjarazzjoni falza f’dokument uffiċjali taħt il-Liġi Maltija.
Il-proces verbal tal-Inkjesta Vitals, hu dokument li jiġbor fil-qosor is-sejbiet u l-konklużjonijiet, u jgħid iswed fuq l-abjad li Coles u esperti oħra ħadu ġurament quddiem il-Maġistrat.
Dan il-ġurament hu important ħafna, anżi hu l-qofol ta’ kollox, għaliex jagħti validita’ lill-esperti mqabbda.
Madankollu, Coles ċaħad bl-aktar mod kategoriku li hu qatt ltaqa’ mal-Maġistrat Gabriella Vella jew qatt ħa xi ġurament.
Coles kompla jispjega li l-involviment tiegħu fl-inkjesta kien limitat għal xogħol li ħa bħala kuntrattur mingħand Jeremy Harbinson, u ma jiftakarx li qatt ħa ġurament dwar ir-rwol tiegħu fit-tħejjija tar-rapport.
Din il-kontradizzjoni qajmet tħassib serju dwar kemm hu preċiż il-proces verbal u jekk il-Maġistrat Vella kinitx taf li kienet qed tinkludi informazzjoni falza f’dokument uffiċjali.
Ħarsa lejn il-liġi turina li l-Artiklu 188(1) tal-Kodiċi Kriminali jqis bħala reat li persuna konxjament (apposta) tagħmel dikjarazzjonijiet foloz f’dokumenti maħsuba għall-awtoritajiet pubbliċi.
Jekk dan jiġi ppruvat, reat bħal dan iġorr miegħu pieni li jistgħu jwasslu sa sentejn ħabs jew multa.
Importanti li wieħed jinnota li skont il-Liġi Maltija, Maġistrat m’għandhiex immunità mill-prosekuzzjoni.