Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kulħadd qed jistaqsi x’sar minnu d-Deputat Ivan J. Bartolo li jidher li ‘sparixxa’ minn kull involviment kemm fil-partit, kif ukoll fi ħdan il-Grupp Parlamentari.
Għalkemm nhar il-Ħadd li għadda kien fost l-ewwel li esprima appoġġ lejn Alex Borg, għażel li ma jattendix għal laqgħa tal-Grupp Parlamentari biex jiddefendih.
Bartolo – li ħames snin ilu kien minn ta’ quddiem fost il-‘Blue Heroes’ li wasslu għat-tkeċċija ta’ Adrian Delia minn bħala Kap tal-PN u kien ġabar il-firem biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex issir elezzjoni għal bidla tal-Kap – illum hu fost l-aktar mdejqin fil-PN, tant li diġa’ ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta l-ebda elezzjoni oħra.
Dan id-Deputat kien irriżenja mill-Parlament ħames snin ilu biex ikun jista’ jakkomoda lil Bernard Grech jidħol bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni, u reġa kien elett mid-9 Distrett fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.
Bartolo ilu x-xhur jilmenta ma’ sħabu li ddejjaq bl-ambjent tossiku li qed joħnoq lill-PN u li xeba’ jara lill-partit maħtuf mill-militanti estremisti b’Karol Aquilina jikkontrolla kollox u jikkmanda fuq Bernard Grech u fuq kulħadd.
Ivan J. Bartolo hu mifhum li ftit li xejn qed jattendi l-Parlament u lanqas jersaq lejn il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari. Qed jirraġuna li l-presenza tiegħu hi inutli, ladarba l-aġenda kollha hi ssettjata minn Karol Aquilina u l-partit kkundizzjonat minn Repubblika.
Bartolo jixtieq li jitlaq minn issa kemm mill-PN kif ukoll minn bħala Deputat, kif fil-fatt jixtieq Karol Aquilina, iżda jinsab maqbud f’morsa morali, hekk kif it-tluq tiegħu mill-Parlament jkun ifisser l-elezzjoni awtomatika ta’ Jason Azzopardi minfloku fuq id-9 Distrett.
Ivan J. Bartolo intant jibqa’ jeżisti iżda invisibbli fil-PN.