Il-Qorti tal-Appell wittiet it-triq biex il-kumpannija Agius Stoneworks – illum ASWL – tista tibda x-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċata tal-Knsija ta’ San Pawl fil-Belt, wara li ordnat li titħassar deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Lokali tal-Belt stess, li kkanċella s-sejħa għall-offerti, minħabba suspett ta’ kunflitti ta’ interess, li fil-fatt ma rriżulta minn mkien.
Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, qalet li s-Sindku Olaf McKay ma mexiex mar-regoli billi kiteb dwar id-deċiżjoni għat-tħassir tas-sejħa fuq il-mezzi soċjali.
Il-Qorti spjegat li dak li s-Sindku kiteb u kkummenta fuq il-paġna Facebook tiegħu ma jirrappreżentax il-pożizzjoni tal-Kunsill. iżda biss il-fehma personali tiegħu.
Il-każ jevolvi madwar allegazzjoni dwar kunflitt ta’ interess minn xi membri tal-Kunsill, kif ukoll tal-Bord tal-Għażla, madankollu, wara żewġ sejħiet għal offerti u reviżjoni, baqgħu dejjem ASWL li kellhom l-aħjar offerta għax-xogħol ta’ restawr.
Il-Qorti qalet li m’għandhiex għażla oħra ħlief li tħassar id-deċiżjoni tal-Kunsill u tordna li s-sejħa titqies bħala valida.