Bernard Grech se jkollu jqatta’ lejl jaħseb kif se jispjega lill-partitarji NazzjonalistI għaliex reġa’ għażel li jibqa’ ċass, mutu u pupażż’ quddiem il-klikka militanti u estrema – li mhux biss ħatfitlu l-kontroll tal-PN minn taħt idejħ – iżda saħansitra kkundizzjonatu llejla biex jibqa’ immobbli u ma joffri l-ebda difiża lil Alex Borg, waqt assalt ieħor kontrih mill-istess estremisti.
Orfni mill-appoġġ ta’ sħabu Adrian Delia (li jinsab id-dar ma jiflaħx) kif ukoll minn Carm Mifsud Bonnici, Stephen Spiteri u Ivan J. Bartolo, li lkoll kienu assenti mill-laqgħa, Alex Borg sab ruħu iżolat u mingħajr saħħa ta’ kurrent li setgħet taqbeż għalih, għajr għall-Avukat Joe Giglio, li kemm-il darba safa’ msikket mill-vuċijiet għolja jgħajtu ta’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami.
It-tattika ta’ Karol Aquilina waqt il-laqgħa kienet li jisfrutta l-inesperjenża ta’ Alex Borg fil-politika u fil-PN u assaltah fuq l-għażla li jsiefer u ma jivvutax fil-Parlament kontra l-emendi fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali, li ma attendiex għall-protesta ta’ Repubblika u li qal li ċempel lill-iSpeaker tal-Kamra u offrielu s-solidarjeta’ wara x-xenata ta’ Aquilina fil-konfront tiegħu.
Kien evidenti li l-koppja Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami kienu sinkronizzati u ppreparati sew bl-argumenti storbjużi tagħhom kontra Alex Borg.
F’ħin minnhom, Karol Aquilina heddu li se “jurih min hu, u kif ħadd – aħseb w ara biċċa Deputat għadu tiela’ fil-parlament, jaħseb li jista’ jagħmel li jrid!.
Fi ftit kliem, Aquilina kien qed jikkundizzjona lil Alex Borg biex ‘jikkonverti’ mill-oppożizzjoni tiegħu lejn min “qed imexxi” għaliex “il-PN ilu jeżisti għal aktar minn 125 sena u tiġi int u taħseb li hawnhekk hu tiegħek”.
Ħadd mid-Deputati l-oħra ma tniffes, jew qal kelma li tikkontrasta l-aggresivita’ ta’ Aquilina, filwaqt li Bernard Grech baqa’ sieket u ma offra l-ebda kenn lil Alex Borg.
Il-laqgħa ntemmet b’Aquilina jwissi lil Borg, li “ma spiċċatx hawnhekk” u ta x’jifhem li l-attakk kontrih “ġabha b’idejh”.
Ta’ x’jifhem ukoll li l-id tal-klikka militanti u estrema fil-PN għandha l-meżżi biex “tpoġġih f’postu – whether you like it or not!“.
Il-laqgħa tal-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista damet kwasi tlett siegħat u nofs, u tlaqqgħet b’urġenża llejla wara l-attakk il-bieraħ permeżż tal-Kirurgu Kevin Cassar, li mill-paġna tiegħu fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday, għajjar lil Alex Borg bħala ż-;żiemel ta’ Troja tal-Partit Laburista fi ħdan il-PN’.