M’hiex b’kumbinazzjoni li l-Kirurgu Kevin Cassar jikteb b’mod kontemporanju f’żewġ gazzetti tal-Ħadd. L-iskop hu ċar: inflict maximum damage possible!
Kebin Cassar jista’ jitqies bħala privileġġjat li jkollu aċċess straordinarju għal żewġ gazzetti: The Malta Independent on Sunday u The Sunday Times biex ikun jista’ jaqdi l-messaġġ ta’ Repubblika u b’hekk tiġi mmanipulata l-opinjoni pubblika.
L-attakk tal-bieraħ ta’ Kevin Cassar fil-konfront tad-Deputat Għawdxi Alex Borg, kien wieħed studjat u maħsub.
Kien attakk li wera biċ-ċar li Cassar – li jiġi ħaten Beppe Fenech Adami – jaġixxi ta’ front għal dawk li qed jiġbdu l-ispag ta’ Repubblika.
Cassar il-bieraħ fetaħ żewġ attakki separati u kontemporanji: Fuq Alex Borg u James Piscopo.

L-IPPRIVILEĠĠJAT: Il-kirurgu Kevin Cassar li għandu aċċess għal żewġ gazzetti tal-Ħadd bħala ‘columnist’
Din il-mossa maqsuma fuq żewġ gazzetti bl-Ingliż, wriet kemm l-‘establishment’ għandha swaba twal u nfiltrati sew fil-media indipendenti, li bl-aktar mod stramb turina kif żewġ edituri – f’kompetizzjoni ma’ xulxin – jaslu għal kompromess u jarmu għal kollox l-esklussivita’ ta’ dak kollu li jsawwar Sunday Columnist.
‘Min qed jiffinanżja dawn il-manuvri kollha f’mument meta l-PN jinsab imsallab b’aktar minn €40 miljun f’dejn, huma l-istess nies li ħames snin ilu ħallsu l-kont tat-taxxa ta’ Bernard Grech, biex tajjru l-inkonvenjenti Adrian minn Kap tal-PN.’
L-uniku ħaġa li tista’ tgħaqad lill-edituri rispettivi biex jippermettu lill-Kevin Cassar l-aċċess għall-paġni tagħhom fl-istess ħin, hu biss bis-saħħa tal-‘intervent divin’ u sottili ta’ nies bħal Richard Cachia Caruana, li qatt ma ħbew l-influwenza tagħhom fuq it-tmexxija ta’ dawn iż-żewġ gazzetti.
IT-TENTAKLI: L-idejn li qed jiġbdu l-ispag ta’ Repubblika għandhom l-interess li jieħdu l-kontroll assolut tal-PN
Nassigurakom li mill-esperjenża tiegħi – li naf ħafna mill-karattri li bħalissa qed jiġġieldu bis-saħħa kollha tagħhom għall-kontroll assolut tal-Partit Nazzjonalista – hemm idejn ukoll finanżjarji.
Min qed jiffinanżja dawn il-manuvri kollha f’mument meta l-PN jinsab imsallab b’aktar minn €40 miljun f’dejn, huma l-istess nies li ħames snin ilu ħallsu l-kont tat-taxxa ta’ Bernard Grech, biex tajjru l-inkonvenjenti Adrian minn Kap tal-PN.
Dawn l-iswaba finanżjarji – lokali u barranin – qed iżommu ħajjin il-proġetti ta’ NGO’s li f’dawn l-aħħar xhur ittrasformaw ruħhom bħala ‘partiti paralleli’ għall-inkompetenża tal-PN fl-Oppożizzjoni.
Għaldaqstant, dawn l-NGO’s bdew iservu wkoll bħala l-pjattaformi għall-mibgħieda u kampanji ta’ assassinju tal-karattru ta’ kull min ma jaqbilx mal-aġenda tagħhom.
Meta tinduna li issa qed iwessgħu l-attakki tagħhom kontra nies fil-PN, timmaġina sa fejn kapaċi jaslu mal-esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista!