Fi 12-il sena ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista, pajjiżna għadda minn trasformazzjon I sħiħa, b’ekonomija li aktar minn irduppjat u kattret ix-xogħol lill-Maltin u lill-Għawdxin.
Minbarra dan, saret trasformazzjoni sħiħa fit-tessut soċjali tal-pajjiż, issaħħet il-middle calss, u ddaħħlu għadd ta’ miżuri soċjali li ħadd u mkien fl-Ewropa ma kien kapaċi jagħmel.
Dan sostnih dalgħodu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’diskors quddiem folla numeruża li nġabret fi Pjazza Jean de la Valette fil-Belt, fejn ħabbar ukoll li nhar l-Ewwel ta’ Mejju li ġej – Jum il-Ħaddiem – il-Partit Laburista se jiċċelebrah fil-Belt.
‘Se niċċelebraw dan il-jum għażiż għall-Partit Laburista bi kburija’ sotna l-Prim Ministru Abela li spjega kif qabel l-2013 pajjiżna kellu sitwazzjoni ta’ 8,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol, u kulħadd kellu jikkuntenta bix-xogħol li jsib. Dan filwaqt li l-ekonomija kienet laħqet rekord storiku negattiv.
Però mill-2013 bdiet il-ħidma b’miżuri b’saħħithom fosthom childcare b’xejn, sistema ta’ tapering u l-iktar ħaġa għażiża għas-soċjetà, id-dinjità li jġib ix-xogħol.
Hawnhekk Dr Abela fakkar fil-festa ta’ Jum il-Ħelsien, u kif ftit jiem oħra se nkunu qed infakkru fil-Belt Valletta, Jum il-Ħaddiem, fl-ewwel ta’ Mejju.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-rata ta’ tkabbir li hija sitt darbiet iktar minn dik tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex pajjiżna għandu r-riżorsa umana u għalhekk li llum nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-futur ta’ dan il-pajjiż mimli b’ottimiżmu.

Processed with VSCO with g6 preset
Waqt din l-attività, il-Prim Ministru spjega kif din il-ġimgħa ħarġet statistika li tgħid li pajjiżna investa fis-soċjal elf u ħames mitt miljun ewro.
Hawnhekk semma pataflun ta’ miżuri li għamel dan il-Gvern f’dan il-qasam fosthom il-miżura tal-IVF u dan il-Gvern ta opportunitajiet ġodda għal koppji li ma setawx ikollhom tarbija. U issa dawk il-ġenituri li jaħdmu għal rashom, se jibbenefikaw minn 100 siegħa leave mħallas għal kull ċiklu ta’ trattament – hekk kif l-omm se tkun intitolata għal 60 siegħa leave, u l-partner għal 40 siegħa oħra – li se jkun qed jitħallas bil-livell tal-paga minima nazzjonali.
Semma’ wkoll kif l-investiment fis-soċjal mar ukoll għall-carers li l-kwalità tal-impjieg tagħhom tela’ b’għoxrin fil-mija, il-carers grant, miżuri għall-first time buyers b’għotja ta’ għaxart elef ewro, l-ewwel darba li ngħatat għotja ta’ elf u ħames mitt ewro għall-ġenituri li għandhom tfal li jkomplu jistudjaw, l-iskema stabbiltà u għexieren ta’ miżuri oħrajn, kollha mmirati biex itejbu l-ħajja tan-nies.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tas-soċjetajiet mużikali, u kien għalhekk li l-Gvern intervjena u xtara dawn is-soċjetajiet muzikali għaliex dawn ikomplu jrawwmu l-identità Maltija.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li minkejja li ħaddieħor irid jinvesti fil-bombi, dan il-Gvern se jkompli jinvesti fin-nies.