Il-Partit Nazzjonalista qed jersaq dejjem aktar l-implużjoni, hekk kif il-Grupp Parlamentari tiegħu jinsab taħt assedju u pressjoni enormi minn Karol Aquilina u Repubblika, sal-punt li qed jispiċċaw mhedda li jużaw il-gazzetti biex jimbarazzawhom pubblikament b’li jafu dwar id-Deputati.
Dan ir-rikatt, li diġa’ kien issemma’ waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari ftit tal-jiem ilu waqt battibekk sħun li qam bejn Karol Aquilina u l-eks Kap Adrian Delia.
Karol Aquilina, li litteralment ħa over lill-PN bil-kompliċita’ passiva ta’ Bernard Grech, qed jhedded li se juża lill-ġurnalisti ħbieb tiegħu biex jikxef dak li jaf fuq Deputati li – skont hu – “għandhom insurance mal-Partit Laburista”.
Skont Aquilina, jekk id-Deputati tal-PN ma jsegwux id-direzzjonijiet tiegħu fuq strateġija fil-Parlament, u fl-azzjonijiet li għandu f’moħħu flimkien ma’ ħuħ Robert Aquilina ta’ Repubblika għal diżubbidjenża ċivili, hu lest li juri x’jaf fuqhom, kemm fuq ix=xogħol tagħhom u anki fuq il-ħajja privata tagħhom.
Fost dawk li jinsabu l-aktar fil-mira ta’ Aquilina hemm Adrian Delia, Alex Borg, Eve Borg Bonello, Carm Mifsud Bonnici, Ivan J. Bartolo, Ivan Bartolo, Justin Schembri u fuq kollox Bernard Grech.
Filwaqt li Grech jibqa’ passiv, mutu u bla sinsla, ħafna huma d-Deputati li qed jirvellaw għal din it-theddida u se jkunu huma li mistennija jaġixxu b’saħħa kontra dan l-abbuż minn Karol Aquilina.
Il-ġimgħa d-dieħla l-Grupp Parlamentari hu mistenni jiltaqa’ fost tensjoni kbira, fehjn se jkun diskuss il-fjask tal-protesta ta’ Repubblika u fuq kif il-parti l-kbira tad-deputati ma jridux ikunu jafu aktar b’Repubblika u l-ħsara li qed tagħmel lill-PN.
Filwaqt li Aquilina hu lest li jikkonfronta lil Alex Borg li ġie jaqa’ u jqum minnu u qabad u siefer għal bachelor’s parti fis-Slovakkja b’hekk m’attendiex għall-vot parlamentari dwar ir-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali, kif ukoll injora għal kollox is-sejħa għall-protesta ta’ repubblika.