Donatella Falzon kompliet tisfida u tgħajjar lill-Ministru Roderick Galdes fuq Facebook fl-aħħar siegħat, u dan b’vendetta ċara talli kienet spiċċat żgumbrata mill-post mogħti lilha mill-Gvern, wara li nqabdet li kkonvertieti f’lukanda żgħira għat-turisti.
Dan is-sit hu infurmat li wara li saru għadd ta’ rapporti mill-inkwilini tal-blokka ta’ appartamenti tal-Housing fuq il-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt, l-Awtoritajiet kienu għamlu speżżjoni għalkl-għarrieda fejn sabu li Donatella Falzon kienet ikkonvertiet il-post f’lukanda żgħira, tant li sabu l-post diviż b’għadd ta’ partitions tal-gypsum fejn għamlet kmamar separati u b’għadd ta’ sodod, biex setgħet takkomoda diversi turisti f’daqqa.
Hu mifhum li fil-kmamar kollha nstabu madwar 14-il sodda, li jfisser li d-dħul tagħha mill-kirjiet kontinwi kien sostanżjali.
Jirriżulta wkoll li l-‘lukanda’ ta’ Donatella Falzon tant kien sejjer tajjeb, li saħansitra nstabu għadd ta’ ‘reviews’ fuq il-page tal-bookings tagħha.
Falzon kienet tirreklama n-negożju tagħha billi teiħu vantaġġ mill-fatt li l-post hu sitwat fuq il-ġnien ta’ Hastings fil-Belt, b’veduti spettakolari tal-Port ta’ Marsamxett u tas-Sliema u Tigne.
Imħassba dwar l-ammont ta’ nies ta’ kuljum u f’kull ħin kemm bi nhar, kif ukoll bil-lejl kienu deħlin u ħerġin mill-post ta’ Falzon, l-inkwilini allertaw lill-Awtorita’ tad-Djar li għamlu speżżjoni għall-għarrieda u sabu l-post konvertit f’lukanda żgħira.
Aktar m inn hekk, kamra fid-daħla tal-blokka ta’ appartamenti nstab li kienet abbużivament meħuda minn Falzon u kkonvertita f’salon tax-xagħar, fejn kienet ukoll taqla’ l-flus bħala hairdresser .
L-intrapriża ta’ lukanda bla liċenżja mill-MTA, bla VAT u minn ġo post ta’ housing soċjali, hu mifhum li ffinanżja l-lifestyle ta’ Falzon, li saħansitra għamlet xi interventi kożmetiċi minn fuq dahar il-poplu Malti.
Falzon għamlet minn kollox biex ma titlifx il-post, tant li fetħet għadd ta’ kawzi fil-Qorti fejn saħansitra lagħbitha tal-vittma ta’ persekuzzjoni politika, għaliex il-post kien igħatalha fi żmien GonziPN.
Madankollu, kemm it-Tribunal kif ukoll il-Qorti tal-Appell ikkonfermaw l-ordni għall-iżgumbrament, flimkien ma’ l-ordni ta’ telfien għall-jedd ta’ housing soċjali.
Falzon kienet insistiet li tiltaqa’ mal-Ministru Roderick Galdes, kif ukoll mal-Prim Ministru bl-iskop li ma jiżgumbrawx u nsistiet li kellhom l-obbligu li ‘jedukawha’ biex ma terġax tagħmilha, imma li jħallulha l-post!
Unit tal-enforcement tal-Housing marret u żgumbrata għal kollox, u l-post kien allokat lil persuni fil-bżonn.