Ma ttieħdu l-ebda passi mill-Maġistrat Gabriella Vella kontra l-Avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi, li ripetutament kien ipprova jagħmel kuntatt ma’ espert fl-Inkjesta tal-Isptarijiet.
Dan qalu Keith Cutajar, l-espert mqabbad mill-Maġistrat Vella biex jieħu ħsieb jagħmel estrazzjoni ta’ data mit-telefons tal-persuni inevestigati fl-injkesta, fosthom tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Cutajar qal li Azzopardi kien ipprova jagħmel kuntatt miegħu bit-telefon ftit jiem qabel ma saret tfittxija fid-dar ta’ Muscat.
L-espert qal li ma weġibx in-numru, u sussegwentement kien irċieva sensiela ta’ messaġġi fuq il-pjattaforma Signal biex iċempillu għax kellu bżonn ikellmu.
Cutajar, li qal li kien ħassar il-messaġġi mibgħuta minn Azzopardi, qal ukoll li kien avża lill-Maġistrat Vella fuq dawn it-telefonati, peress li fuq Facebook Azzopardi kien qed jikteb dwar it-tfittxija imminenti li kienet se ssir fid-Dar ta’ Joseph Muscat.
Mistoqsi waqt is-seduta jekk jafx jekk ittieħdux passi mill-Maġistrat Vella dwar dan l-attentat ta’ indħil minn Jason Azzopardi, Cutajar wieġeb li le.
Cutajar qal li sforz dan il-każ ta’ indħil, kif ukoll telefonati oħra li rriżulta li għamel Jason Azzopardi lil numru ta’ Pulizija oħra involuti fl-Inkjesta, it-tfittxija fid-Dar ta’ Muscat kellha tkun posposta għal ġurnata oħra, u mhux f’dik indikata mill-Avukat ta’ Repubblika.