Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti bil-kantaliena li l-pajjiż għandu jibdel il-mudell ekonomiku tiegħu, statistika uffiċċjali maħruġa llum mill-Eurostat juri kif matul Frar li għadda, Malta rreġistrat l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Filfatt, ir-rata tal-qgħad fi Frar li għadda kien ta’ 2.7% filwaqt li komplew jiżdiedu l-ammont ta’ nies fis-suq tax-xogħol.
Waqt li l-medja tal-qgħad mis-sena 2000 sallum kienet ta’ 5.6% jew d-doppju tar-rata preżenti, l-ogħla li qatt ġiet osservata f’dan il-perjodu kienet ta’ 8.5% f’Awwissu tal-2003. B’hekk, dakinhar, il-qgħad kien iżjed minn tliet darbiet aktar milli hu llum.
Mindu nbidel il-Gvern f’Marzu tal-2013, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 4.3% bħala medja. L-aktar li tela’ l-qgħad, mindu sar Prim Ministru Robert Abela, kien fil-livell ta’ 5.5% f’Settembru tas-sena 2020 fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19.
Iżda grazzi għall-miżuri ta’ sostenn li ħa l-Gvern dak iż-żmien, il-qgħad spiċċa naqas bil-qawwi u llum ukoll hu kważi n-nofs ta’ dak ħames snin ilu.
Taħt Dr Abela, Malta llum għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro u hi biss il-Polonja, fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, li għandha rata marġinalment inqas, bi 2.6%.
Fl-aħħar sena biss kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qgħad lokali minn 3.4% għal 2.7%.