- Il-Partit Laburista jagħti ġieħ il-kisba tal-Ħelsien fl-1979
- Il-Prim Ministru Robert Abela jelenka lista twila ta’ iniżjattivi li ttieħdu minn Gvern Laburista matul dawn l-aħħar 12-il sena, u li huma xhieda tal-‘par idejn sodi’ fl-ekonomija u fis-soċjal.
- Il-Partit Laburista huwa l-Moviment tal-Ħelsien mibni fuq il-progress li ġibna u li se nkomplu nġibu fil-futur għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Meta kien qed jindirizza ċ-ċerimonja ta’ tifkira tas-46 sena mindu ksibna l-Ħelsien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed iwessa’ l-miżura tal-equity sharing, jiġifieri l-Gvern jidħol bi sħab max-xerrej biex jixtri propjetà. Spjega li din il-miżura bħalissa hija niftuħa għal dawk li għandhom ‘l fuq minn 30 sena, iżda issa se titwessa’ għal min għandu ‘l fuq minn 25 sena, biex iktar żgħażagħ jingħataw għajnuna jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Prim Ministru qal li fil-jiem li ġejjin se jitnedew numru ta’ proġetti ta’ housing affordabbli għax qal li flusna u l-enerġija tagħna ninvestuhom fl-għajnuniet lin-nies, biex in-nies jgħixu tajjeb u jibqagħlhom iktar flus fil-but.
Il-Prim Ministru qal li ta’ qabilna għażlu t-triq tal-paċi u l-ħbiberija, riċetta li ġabet il-prosperità, u li se tibqa’ titħaddem minnu. Sostna li minkejja li hemm min iridna nbiddlu din it-triq għax għandu interess dirett, pajjiżna mhux se joħroġ flus għal xi dejn li jagħmel ħaddieħor biex jinxtraw armi tal-gwerra u lanqas mhu se jieħu sehem fi gwerer.
Dr Abela spjega li Malta se tibqa’ tassisti lil min għandu bżonn bl-għajnuna umanitarja u bit-tagħmir li jsalva, tant li fil-jiem li ġejjin se jerġgħu jinġiebu tfal midruba minn Gaża għall-aqwa kura medika f’pajjiżna.
“Jum il-Ħelsien għandu sinifikat akbar, għax iċ-ċelebrazzjoni tal-lum tixhed kemm ta’ qabilna fehmu li l-aqwa saħħa li għandu l-pajjiż hija n-newtralità tiegħu, u li l-futur għal gżira bħal tagħna għandhom ikunu l-paċi u l-progress.”
Tkellem dwar kemm din is-sena, Jum il-Ħelsien għandu sinifikat akbar, għax iċ-ċelebrazzjoni tal-lum tixhed kemm ta’ qabilna fehmu li l-aqwa saħħa li għandu l-pajjiż hija n-newtralità tiegħu, u li l-futur għal gżira bħal tagħna għandhom ikunu l-paċi u l-progress.
Dr Abela ġab kuntrast ma’ dak li qed jagħmel ħaddieħor, li daqqa jkun mitluf fil-kunflitti interni, u drabi oħra mitluf fuq ix-xiri tal-armi għall-kunflitti ta’ ħaddieħor. Qal li Gvern Laburista għandu twemmin differenti minn ta’ ħaddieħor għax qed jiffoka fuq l-għajxien b’dinjità ta’ kull min jaħdem, it-tkattir tax-xogħol għal kulħadd, l-edukazzjoni, il-ġustizzja soċjali, u l-ambjent.
Il-Prim Ministru qal li s-saħħa ta’ dan il-moviment tiġi mit-twemmin tiegħu li kapaċi jwettaq dak li ħaddieħor jemmen li impossibbli jitwettaq. Spjega kif pajjiżna qed iwettaq il-ħolma ta’ missirijietna, li nkattru l-ġid u nqassmuh fost kulħadd, bi tkabbir ekonomiku li jiżboq lil dak ta’ ekonomiji ħafna ikbar minna. Fisser kif il-Ħelsien fisser ukoll ħelsien ekonomiku u ħelsien fil-ħsieb.
“Sa ftit tas-snin ilu, ma kellniex għażla minħabba l-awsterità, il-qgħad u l-piżijiet fuq il-familji u n-negozji. Matul dawn l-aħħar 12-il sena, Gvern Laburista elimina l-lista ta’ nies qegħda, irdoppja d-daqs tal-ekonomija u l-ġid li tipproduċi, tnaqqset id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali, u tqassmu kważi d-doppju f’benefiċċji soċjali lill-familji, anzjani u vulnerabbli.”
Dr Abela qal li sa ftit tas-snin ilu, ma kellniex għażla minħabba l-awsterità, il-qgħad u l-piżijiet fuq il-familji u n-negozji. Sostna li fl-aħħar 12-il sena, Gvern Laburista elimina l-lista ta’ nies qegħda, irdoppja d-daqs tal-ekonomija u l-ġid li tipproduċi, tnaqqset id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali, u tqassmu kważi d-doppju f’benefiċċji soċjali lill-familji, anzjani u vulnerabbli. Qal li dawn il-kisbiet huma wkoll parti miċ-ċelebrazzjoni tal-ħelsien, u li bis-saħħa tagħhom, illum ninsabu ħielsa biex nagħżlu.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar budget il-Gvern ta sinjal lejn fejn irridu mmorru, li kull deċiżjoni li tittieħed, se tkun qed issir enfasi fuq il-kwalità, fosthom fil-kontroll ta’ kif jidħlu l-ħaddiema barranin, b’riforma fil-kontabilità tal-qrati, b’inizjattivi kontra l-ħela tal-ikel, fil-kura tal-anzjani, u b’miżuri biex nindirizzaw l-isfida tat-traffiku.
Irrefera wkoll għall-Viżjoni 2050, li se tkun imsejsa fuq is-sabiħ u s-saħħa ta’ dan il-pajjiż, fosthom il-bżulija tal-ħaddiema tagħna, il-patrimonju nazzjonali, l-ambjent naturali, ir-reżiljenza tal-industrija, il-kompetittività u l-enerġija rinovabbli.
Il-Prim Ministru spjega kif il-kobor ta’ dan il-moviment jibqa’ l-abbiltà tiegħu li jġib lil kulħadd flimkien għal Malta aħjar. Qal li l-Partit Laburista huwa l-moviment tal-bidla li titwettaq kuljum u li tinħass fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha.