Ma kienx mument li d-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi ddeċieda li jirreaġixxi u jammetti li mar shopping fil-kumpless lussuż Harrods fl-istess ħin li l-PN kien qed iniżżel lin-nies fit-toroq kontra l-‘għoli tal-ħajja!’
Azzopardi, li nkixef b’video fuq TikTok fiż-żona ta’ Knightsbridge – meqjusa bħala l-aktar għolja f’Londra – jimxi u jħeġġeġ lin-nies biex tmur il-Belt u tiddimostra, lissen l-għoli tal-ħajja bħala r-raġuni għalfejn kellhom jiddimostraw kontra dak li fisser bħala ‘Gvern li falla’.
RITRATTI: Siltiet mill-video li Charles Azzopardi tella’ fuq TikTok fid-9 ta’ Marżu wara li mar shopping f’Harrods, fl-istess ħin li l-PN kien qed iniżżel lin-nies fit-toroq tal-Belt kontra l-għoli tal-ħajja.
Iżda l-kwistjoni tax-xiri mingħand Harrods u l-ipokreżija ta’ Azzopardi li jħeġġeġ lin-nies jipprotestaw kontra l-għoli tal-ħajja, ma kenitx l-uniku problema relatata ma’ dak il-vjaġġ mħallas mill-Parlament Malti, fejn ħa sehem f’konferenza tal-Commonwealth.
Stħarriġ li għamilna mar-reception tal-lukanda Novotel Waterloo, f’Lambeth Road, Londra, wassal biex inkixef li Charles Azzopardi spiċċa biex kellu jħallas multa sostanżjali, wara li l-istaff tat-tindif xammew li fil-kamra tiegħu kien sar tipjip.
RITRATTI: Il-lukanda Novotel f’Lambeth Road, f’Londra u kamra tal-lukanda Novotel, simili ħafna għal dik li kellu Charles Azzopardi
Nifhmu li Azzopardi ma kienx jaf li llum il-ġurnata t-tipjip fil-kmamar tal-lukandi hu assolutament ipprojbit mhux biss fl-Ingilterra, iżda kważi mad-dinja kollha, inkluż f’Malta.
Azzopardi kien ikkonfrontat b’dan l-allegat nuqqas minn-naħa tiegħu, mir-receptionist tal-kamra malli ġie għaċ-Check-Out u jħalli l-lukanda.
RITRATTI: Ir-reception fil-lukanda Novotel Waterloo fejn ir-receptionist ikkonfront lid-Deputat PN Charles Azzopardi dwar allegat tipjip fil-kamra.
Filwaqt li l-ispejjeż huma mħallsa mill-Parlament Malti, Azzopardi xorta kellu jħalli l-Credit Card tiegħu bħala garanżija għal spejjeż żejda. Dan wassal biex ir-receptionist tefgħet l-ispiża tal-multa mposta għat-tipjip fil-kamra fuq il-card.
Azzopardi hu mifhum li rreżista b’saħħa milli jeħel il-multa, iżda kien avżat li jekk ma jaċċettax ikollu jittella’ l-Qorti f’Londra.
Għadu mhux magħruf jekk Azzopardi nfurmax lill-iSpeaker dwar dan l-inċident fil-lukanda Novotel.