Wasal iż-żmien li l-Partit Laburista – bħala l-Partit fil-Gvern – jibda jsaħħaħ u jħares b’aktar impenn l-interessi tal-bażi tiegħu, dawk l-aktar vulnerabbli u fuq kollox l-għeruq leali tiegħu.
Dan l-impenn għandu jiżgura li l-mandat elettorali b’saħħtu li ngħata matul dawn l-aħħar 12-il sena, mhux biss ikun imħares, iżda fuq kollox, ma jgħamilx lilu nnifsu vulnerabbli għall-perversivita’ ta’ elementi estremi fi ħdan l-avversarju tiegħu: il-Partit Nazzjonalista.
Inutli li l-Partit Laburista jitkellem fuq l-establishment u l-pretenżjoni tagħha li hi biss għandha l-jedd li tamministra lill-pajjiż. Hi meħtieġa azzjoni konkreta.
Il-Partit Laburista fil-Gvern jeħtieġ jaġixxi ta’ Gvern – demokratiku, Ewropew, f’rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt – iżda fl-istess ħin, determinat li jwettaq il-mandat elettorali tiegħu, u mhux iġib ruħu bħala difensur jew bħala l-apoloġetiku għal kollox li jitfgħu lejh l-avversarji.
It-track rekord ta’ Gvern Laburista matul dawn l-aħħar 12-il sena hu wieħed enormi, iżda nemmen li dan seta’ kien ferm u ferm akbar, li kieku esprima ruħu u aġixxa b’aktar determinazzjoni. u fuq kollox, ma ppermettiex distrażżjonijiet, jew kampanji ta’ persekuzzjoni kontra għexieren ta’ esponenti tiegħu, fosthom eks Prim Ministru u Mexxej, Ministri, Segretarji Parlamentari u attivisti.
Hu veru li l-PL wettaq l-iżbalji tul il-kors ta’ tmexxija tiegħu. Ikkoreġihom, iżda xorta baqa’ servili lejn dawk il-forżi negattivi li ħalfu li jeqirdu dak kollu li hu Laburist. Dan m’għandux ikun.
‘Pockets’ ta’ reżistenza mill-bażi
12-il sena wara r-rebħa storika miksuba fl-2013, il-PL illum qed ikun iffaċċjat minn ‘pockets’ ta’ reżistenza mill-bażi tiegħu stess, għaliex qed iħossuhom orfni – jew agħar – qed iħossuhom vittmi tat-traskuraġni tal-partit tagħhom stess.
Dan għaliex il-PL fil-Gvern baqa’ jafda wisq f’numru ta’ nies f’ċerti karigi u f’għadd ta’ entitajiet, awtoritajiet, istituzzjonijiet u Korpi, li minflok jaqdu d-dmirijiet tagħhom lejn l-Istat, ħadmu u qed jaħdmu esklussivament b’impenn partiġġjan, bl-iskop speċifiku li jfixklu jew ikissru lil dik il-bażi.
It-tfixkil jinsab kullimkien, u qed iweġġgħu n-nies, għalxejn.
M’hemmx fejn titfixkel. L-affarijiet huma ċari u n-nies ilha titkellem dwarhom, iżda l-PL donnu xi kultant jintilef f’aljenazzjoni assurda, li fl-aħħar mill-aħħar se jakkumula f’daqqa, u din il-frustrazzjoni mhux se tkun tista tiġi kkontrollata.
L-arja mħollija f’idejn erbat’ iqtates
Il-PL ħalla wisq arja f’idejn erbat’ iqtates jiddettaw l-aġenda nazzjonali, u żewquha bl-attakki u l-persekuzzjonijiet fil-konfront ta’ niesu.
Baxxa rau għall-ibbuljar ta’ dawn l-erbat’ iqtates, li llum mhux biss ħadu l-arja mill-impunita’ għal għemilhom, iżda issa waslu li jkunu awdaċi biex jittantaw jikkmandaw it-toroq bi protesti u pressjonijiet żejda fuq l-istituzzjonijiet biex tgħaddi tagħhom.
Dejjem insostni li l-erbat’ iqtates ma kienux jakkwistaw daqstant arja li kieku l-PL fil-Gvern ma ħax ħsieb jiżgura, li fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-Korpi jkun hemm nies li jservu lill-Gvern tal-ġurnata u mhux l-aġenda partiġġjana u perversa tal-militanti estremi tal-PN u ta’ Repubblika.
Ippermetta lil Jason Azzopardi, lil Robert Aquilina, lil Karol Aquilina u lil Manwel Delia, fost oħrajn, li jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż bil-kampanji qarrieqa u diżonesta tagħhom.
Ippermettilhom jimponu l-influwenza akkwistata tagħhom fuq dawk li bħala Gvern, seta’ stenna ħafna aħjar mingħandhom.
Ippermetta lil dawn l-erbat’ iqtates jużaw lil sħabhom fil-ġudikatura u fil-Pulizija biex idawwru r-rota tal-persekuzzjoni kontra l-Laburisti.
L-oxxenita’ ta’ inkjesta perversa
Minbarra l-oxxenita’ li qed nassistu ta’ kuljum mill-awli tal-Qrati tagħna fejn deħlin talbiet bl-addoċċ għal inkjesti kontra niesu, l-akkużi fażulli li joħorġu minn inkjesta abbużiva għall-aħħar fuq l-isptarijiet, il-każ dwar l-ID cards foloz li qatt ma kienu, u l-kumbinazzjonijiet biżarri li joħorġu minn investigazzjonijiet fejn tidħol il-Pulizija għal Kontra r-Reati Ekonomiċi (FCID), il-PL f’għajnejn il-bażi baqa’ ċass u impotenti.
Għajjejt, permezz ta’ dan il-blogg u f’okkażjonijiet oħra, nipponta lejn l-irwol ta’ ċerti Spetturi w uffiċċjali fi ħdan l-FCID li rrendew dan id-Dipartiment f’każin tal-PN, tant li llum, sar aktar minn ovvju li l-uniku ġurament li ħadu dawn l-uħud, ma kien qatt lejn l-Istat, iżda lejn Jason Azzopardi u l-missjoni ‘lone ranger’ tiegħu kontra l-Laburisti.
Li tressaq lin-nies il-Qorti bla ma tinvestiga u tħalli lill-Qrati jiddeċiedu għaliex The Times ippubblikat artiklu fuq dak, dik u l-oħra, hu inaċċettabbli.
Hu l-każ tal-allegat ‘racket’ fl-għoti tal-benefiċċji.
Saret persekuzzjoini – u għadha għaddejja persekuzzjoni – fuq mijiet ta’ nies mit-3 u r-4 Distrett, lkoll vulnerabbli fis-saħħa, u għaliex sabu l-kenn f’tabib twajjeb u onest, li bla ma ħa ċenteżmu, għenhom b’soluzzjoni ġenwina għal anomalija fil-Liġi dwar is-Sigurta’ Soċjali, li ħasbet f’kollox għajr għall-fenomenu ġdid u dejjem jikber, tad-diżabiltajiet li ma jidhrux.
Meta din l-anomailja bdiet tiġi ndirizzata b’riżultat ta’ inkjesta governattiva, dawn il-vulnerabbli spiċċaw esposti għal viżti għand professuri, li minn dħul umli u miżeru ta’ madwar 500 jew 700 fix-xahar, spiċċaw biex għal darba’ darbtejn jiksbu ċertifikati bi ħlasijet ta’ miżati professjonali ta’ medja ta’ 150 ewro!
Dan minbarra t-trawma li għaddihom Spettur tal-FCID b’sejħiet ripetuti għall-interrogazzjoni, u prosekuzzjoni fil-Qorti.
Lit-Tabib Silvio Grixti salbuħ
Lit-tabib Silvio Grixti salbuħ u żebilħuħ għax irrisponda għal ħtiġiet u l-vulnerabilita’ ta’ dawn in-nies. Aġixxa ta’ Soċjalista. Aġixxa bi tjubija.
Għandi għalfejn nitkellem fuq l-assurdita’ ta’ kif bl-iskuża ta’ inkjesta, Maġistrata tħalliet tonfoq mat-33 miljun ewro, fejn il-Pulizija Maltija ma tħalliet qatt tkun involuta, u minflokhom tqabbdu erba’ dilettanti ta’ esperti, li llum lanqas biss iridu jissostanżjaw ir-rapporti tagħhom, u fl-istess ħin nippertmettu lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jilgħab u jitlob għal aktar ħin biex ‘jikkonvinċi’ lill-esperti jiġu Malta, jixħdu u jiġġustifikaw in-nefqa multi-miljunarja għar-rapporti tagħhom?
U ejja!
Huma dawn ftit eżempji ta’ problemi li l-PL fil-Gvern jeħtieġ jindirizza u mhux jispiċċa jittama li ż-żmien jipprovdi soluzzjoni.
Qed nikteb dan kollu bl-akbar responsabbilta’, onesta u mħabba lejn il-PL bħala l-Partit li ħaddanni.
Nemmen li l-PL jeħtieġ jagħraf li biex jiggverna jeħtieġ li jkollu l-bajd li jiggverna u mhux jilgħab bid-destin.
Il-PL għandu jreġġa t-tbissima fuq wiċċ il-Laburisti
Il-PL hu partit glorjuż, li għolla lill-Malta u lill-Maltin. Ħariġhom mill-faqar u minn taħt il-madmad tal-inkwiżizzjoni moderna tal-establishment, u donnu waqaf hemm.
Dik il-glorja mhix fantażija. Il-fundaturi tal-PL batew u ġġieldu kontra kollox u kontra kulħadd biex kisbu għeġubijiet kbar għall-poplu.
Il-PL jeħtieġ il-kuraġġ li jiggverna bi l-mandat li ngħata. Il-PL jeħtieġ li ireġġa t-tbissima u l-kburija fuq wiċċ il-Laburisti.
Jekk il-PL għandu bżonn gwida ta’ fejn hi tħabbat qalb tal-bażi tiegħu, kulma għandu jagħ,el hu li jħares lejn l-emożjonijiet li tqanqlu l-bieraħ filgħaxija meta litteralment żammew idejn xulxin, imbikkma u jkantaw ‘Tema 79′ flimkien ma’ Mary Spiteri waqt ‘Mużika Mużika‘.
L-istanding ovation interminabbli li riegħed iċ-Ċentru għall-Konferenżi f’Ta’ Qali dal-lejl għandu jservi ta’ gwida għall-PL, li l-bażi għadha hemm, hi b’saħħitha, u kulma trid hu li l-partit jirrispondi.