Il-kampanja tal-aħwa Robert u Karol Aquilina mistennija titwessa’ fil-jiem li ġejjin, billi se jżidu l-għajta kontra r-riforma għal-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali, għal pressjoni bis-saħħa ta’ protesti quddiem il-bini tal-Qorti bl-iskop li ma jitħalliex jikkollassa l-każ kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Mill-informazzjoni li ksibna, nifhmu li quddiem l-aħħar żviluppi skandalużi dwar kif tmexxiet l-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella – b’esperti li ma jridux jixħdu u jiġġustifikaw ir-rapporti tagħhom, ix-xoljiment tal-kumpanniji tagħhom malli ssottomettew ir-rapporti, l-għażla ta’ esperti dilettanti u mhux warranted mill-kategorija ta’ professjoni, il-0ħlasijiet multi miljunarji u l-esklużjoni tal-Pulizija minn kull investigazzjoni minn naħa tal-Maġistrat Vella – l-aħwa Robert u Karol Aquilina mistennija jniedu kampanja simultanja ta’ pressjoni fuq il-ġudikatura kif ukoll fuq l-Avukat Ġenerali biex ma jwaqqgħux il-każ u jżommu lil Joseph Muscat, lil Chris Fearne, Edward Scicluna, Konrad Mizzi u lil Keith Schembri fuq il-bankijiet tal-akkużati u bl-assi ffriżati.
L-ewwel indikazzjoni tad-direzzjoni li se tieħu din il-kampanja se tinvolvi lill-istampa indipendenti u organizazzjonijiet internazzjonali.
Robert Aquilina intant diġa beda jikteb u jdawwar il-kanuni fuq il-Partit Laburista u l-media tiegħu talli qed jikxef l-iskandli marbutin mat-taħwid u l-abbużi fl-inkjesta li tmexxiet mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Aquilina llejla beda l-kantaliena li l-Partit Laburista, il-media tiegħu u esponenti qed imexxu ‘kampanja’ kontra l-Maġistrat Vella.