Hekk kif sezzjonijiet tal-istampa u xi għaqdiet bħalissa għaddejjin b’kampanja kontra l-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ħtieġa ta’ aġġornament taċ-Charter dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bl-iskop li jkun aktar faċli għall-pajjiżi Ewropej li jiddeportaw immigranti li ma jkux ħaqqhom ażil jew protezzjoni, jkun aktar għaqli li nfakkru meta fl-2002, Gvern Nazzjonalista b’Tonio Borg Ministru, kien qabad u bagħat lura għall-qatla, numru ta’ refuġjati Eritrej lejn pajjiżhom.
Dawn l-eritrej, li inkludew nisa kienu spiċċaw tneħħew minn Malta bi ksur sfaċċat tal-Liġijiet Internazzjonali u taċ-Charter dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-ordni għad-deportazzjoni nħarġet mill-Ministru għall-Intern ta’ dak iż-żmien Tonio Borg u l-Eritrej spiċċaw ġew arrestati, ttorturati u maqtula malli twasslu lura lejn pajjiżhom, li dak iż-żmien kien mifluġ bi gwerra ċivili.
Tonio Borg illum laħaq Professur tal-Liġi Kostituzzjonali fl-Universita’ ta’ Malta u hu fost dawk fi ħdan l-establishment li jkun pront jikkritika jew li jagħti spalla lil min jitkellem kontra l-Gvern Laburista.