Fi stqarrija g]all-istampa llejla, il-Partit Laburista jerġa’ jinnota l-kunflitt ta’ interess sfaċċat li għandu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. Illum kien imissu jressaq mozzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta fl-istess ħin huwa l-avukat ta’ konsorzju li tilef offerta ta’ kuntratt pubbliku u li fetaħ kawża kontra l-Gvern dwaru.
Adrian Delia qed jiddefendi konsorzju li tefa’ offerta biex jibni impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart b’ €200 miljun iżjed mill-offerta li rebħet il-kuntratt.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista taf li l-emendi legali li saru fil-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi huma maħsuba sabiex isaħħu l-effiċjenza ta’ dan l-organu u jeliminaw il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess.
Il-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jispjega għaliex Adrian Delia ressaq mozzjoni relatata mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt din l-aħħar mossa tal-Partit Nazzjonalista hija konferma oħra li l-Oppożizzjoni hija ostaġġ tal-interessi personali li ħakmuha.
Tant kemm il-Partit Nazzjonalista ma għandux mistħija li uża l-każ tal-klijent ta’ Adrian Delia sabiex jiġġustifika l-mozzjoni li ressaq fil-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista ma jinteressahx mill-progress li qed jagħmel il-pajjiż. Jinteressah biss li jħarbat u jfixkel, anke jekk ikollu kunflitt ta’ interess sfaċċat fuq kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali.