L-EDITORJAL TA’ www.rezistenza.org
Ħa nkunu onesti magħna nfusna.
Id-dikjarazzjoni li smajna f’bikja mill-qalb mingħand Fr Charles Tabone, dwar dak li fisser bħala l-‘pressjoni diretta u indiretta fil-Kurja stess, u li wasslet għar-riżenja tal-mibki Mons. Pawlu Cremona mill-kariga ta’ Arċisqof fl-2014, ixxukkjatna.
Imma konna nafuha.
Mhux b’ċertezza, iżda konna nafuha, u qisna nħbejna wara qoxritna biex, bħala poplu – fil-maġġoranza tiegħu ta’ fidi Nisranija – fdajna fil-mexxejja Ekkleżjastiċi tagħna, u tajnihom il-benefiċċju tad-dubju.
Li żvela Fr. Tabone fuq Television Malta, fil fehma tiegħi jiftah beraħ il-bieb għal kull wieħed u waħda minna biex nifhmu sew l-implikazzjonijiet u l-gravita’ ta’ dak żvelat fuq it-televizjoni tal-Istat.
Lil Fr. Tabone mhux se niddubitah. Lanqas f’kelma waħda li hi waħda milli qal.
Lil Fr. Tabone dejjem qiestu spontanju, ċajtier, iżda sobrju hafna meta jiġi biex jippriedka u jwassal il-kelma t’ Alla.
Fuq dawn l-affarijiet Fr. Tabone ma jiċċajtax, ma jħarrifx u fuq kollox ma jeżaġera qatt!
Il-bikja ta’ Fr. Tabone kienet ġenwina, u turija onesta tal-weġgħa tiegħu għal dak li ġarrab ħuħ fi Kristu, u fl-Ordni kbira Predikatura Dumnikana.
“X għamluli!”, beka miegħu Mons. Cremona/
Nemmnu.
Għaliex hekk jaħdem l-establishment f’pajjizna.
Jahdem b’mod dirett u indirett.
Jahdem b’mod inviżibbli u jaħdem anki fid-deher.
Jaħdem bil-gazzetti, bit-tzefzif fil-widnejn u anki pubblikament.
RITRATTI: Siltiet minn dak li ġarrab Mons. Pawlu Cremona fil-media, bil-pinna ta’ Fr. Joe Borg u Daphne Caruana Galizia u oħrajn.
Dak hu l-establishment, li b’kumbinazzjoni jaħdem fil-Kurja, daqs kemm jaħdem fil-PN, fil-Qrati u f’ organizzazzjonijiet msejha “indipendenti” bhal Repubblika u minn wara ċerti skrivaniji ċerti djar fis-Siġġiewi, jew f’istitużżjonijiet oħra jew f’xi jew f’Korpi.
Innutaw l-istil tal-assassinju tal-karattru, jew pressjoni fuq is-sahha mentali fuq ċerti nies.
Tissejjaħ persekuzzjoni!
Id-dikjarazzjoni ta’ Fr. Tabone għedtilkom tiftaħ berah il-bibien tal-kuxjenżi tagħna lkoll, biex nibdew ngħarfu darba għal dejjem li l-establishment mhix fantazija, jew ħrafa.
Teżisti, u għandha t-tentakli twal, u li jaslu, u jaslu sew, saħansitra biex jikkundizzjonaw, jimmanipulaw, imarrdu Isqof u saħansitra jniżżluh mit-Tron.
Tghiduli imma niżżlu Prim Ministru, ma jniżżlux isqof?
Iva għeżież qarrejja.
Iżda l-kif – jekk tindunaw – hu dejjem l-istess, u n-nies li jaħmu u jagħmlu l-konġuri diretti u indiretti huma dejjem l-istess.
Huma l-istess nies li malli mmutu aħna l-ippersegwitati minnhom, b’ipokreżija liema bħal, jeloġjawna, u jqaddsulna.
Jgħidu li jitolbu għalina le,, tul ħajjitna u anki wara mewtna, u jiġbru l-flus mingħandna u mingħand il-familji tagħna. U għaliex? : Biex ikomplu jmantnu l-progetti tagħhom.
Ha nkun ċar, l-establishment fil-kurja mhix il-Knisja, u l-establishment fid-Dar Ċentrali mhux il-PN, u għall-Grażżja t’Alla, l-establishment mhix Malta.
‘l-barra mill-bibien tal-Kurja, jew tad-Dar Ċentrali jew tal-kwartieri ta’ Repubblika, hemm Malta u Ghawdex llum aktar determinati li jaqtgħu dawk it-tentakli marrada ta’ nies li bl-Ingliż jitfissru bħala ‘ruthless’ – bla qalb u kuxjenża.
Ma kull ġurnata li tgħaddi qed jinkixfu l-agendi u l-istrategiji.
Qed jagħmlu l-autogoals, u qed jitfixklu f’saqajhom stess,
Mil-lejla, il-kwadru beda jingħalaq, u kif kienet qalet Daphne Caruana Galizia: ‘There are crooks everywhere you look’,
Ibda mill-Kurja, ibqa sejjer sa Tal Pieta u kompli sejjer lejn is-Siġġiewi.
F’jum il-Ġimgha 21 ta’ Marżu tibda r-Rebbiegha, u se tibda Rebbiegha ġdida fuq pajjiżna, għaliex fil-memorja u bil-barka ta’ Mons. Paqlu Cremona, dan il-poplu għażiż tagħna issa xeba’ u jinsab determinat, u b’reżistenza dejjem tikber ġo fih, li lil dan l-establishment kattiv jieqaflu.
Il-poplu qed iqum kontra dan l-establishment ipokrita u pseudo-potenti li jemmen li jista’ jżomm l-istatus quo u jżomm lil Malta l-playground tiegħu.
20.03.2025