Bil-‘gwerra’ interna li għandu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech dalgħodu ssorprenda bid-diskors li għamel fi Brussels quddiem sħabu tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fejn sostna – u qed nikwota testwalment lil NET News dawn il-preċiżi kelmiet: “Se nsaħħaħ il-każ għal politika ta’ difiża li tipproteġi l-kontinent tagħna filwaqt li nżommu n-newtralità tagħna.”
Skużi?
Se jsaħħaħ “il-każ tagħna?”
Il-każ ta’ min? ta’ Malta? tal-Ewropa?
RITRATT: Bernard Grech jitkellem fi Brussels dalgħodu
Bernard Grech għandu din l-abbilta’ li ma jitkellimx ċar – għaliex ma jifhimx – u b’hekk jaqbad ifajjar statements assurdi wara li jkun qara xi ħaġa fuq Google jew minn xi kitba ta’ barra minn hawn fuq ‘In-Nazzjon‘ jew ‘Il-mument’.
Ma jieqafx jissorprendini jitkellem b’dan il-mod, fejn bl-aktar mod sfaċċat, il-Kap illum ‘fake‘ tal-PN Bernard Grech jipprova jagħmilha ta’ Winston Churchill, meta ġej minn pajjiż li rema’ għal kollox lill-kolonja militari Ingliża, u kiseb il-Ħelsien u kiteb bl-aktar mod ċar id-dikjarazzjoni ta’ newtralita’ fil-Kostituzzjoni.
Xi kultant nasal biex nemmen li Grech lanqas biss jifhem l-impikazzjoni ta’ kliemu stess, u jitkellem bla ma jaħseb.
Forsi għaliex bl-inkwiet kbir intern li għandu fi ħdan il-PN, qed iqis lill-Grupp Parlamentari tiegħu bħala ‘war cabinet?‘
RITRATT: Bernard Grech ma’ Ursukla Von der Leyen u Roberta Metsola waqt il-laqgħa tal-PPE fi Brussels dalgħodu
Fl-istess waqt, diskors bħal dan jikxef il-faqar ta’ għarfien tal-ġeopolitika u jikxef ukoll aġenda pjuttost influwenzata minn xi ambaxxata barranija.
Niddubita’ kemm Bernard Grech qatt qara l-awtobijografija tal-mibki Professur Guido de Marco, u l-insistenza tiegħu fuq id-diżarm u d-djalogu flok il-kunflitt. Il-famuża ‘entente vs detente‘ u l-politika tal-perważjoni: Konvint li Grech qas jaf xi jfissru.
Niddubita wkoll jaf x’inhi n-NATO, il-politika ġeo militari jew għallinqas fejn tinsab l-Ukrajna fuq il-mappa!
Insomma, dan hu l-livell fqir li jinsab fiha l-PN u l-kwalita’ ta’ politiċi li wiret wara li għebu maż-żmien il-ħassieba u l-intellettwali vera tal-PN.
RITRATT: It-titlu tal-bliegħ ta’ NET News dalgħodu
B’ritratti ppubblikati fuq NET News, bħallikieku kien xi Mark Rubio jew JD Vance, jidher ċar li qed isir sforż mqanżaq biex Grech jidher li għadu rilevanti, minkejja l-eklissi totali li kkonċeda li ssirlu fid-Dar Ċentrali, sforż id-djufija tat-tmexxija tiegħu, li ppermettiet lil Karol Aquilina jirbaħ il-kontroll assolut ta’ dak li darba kien ‘partit glorjuż’.