L-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea jeħtieġ jikkunsidra jieqaf jimmanuvra minn wara l-kwinti u jħalli lill-Partit Nazzjonalista bi kwietu, u ma jkomplix iniżżlu aktar fil-fond milli diġa niżżlu, bis-saħħa tax-xenati u l-imġieba arroganti tad-delfin tiegħu Karol Aquilina.
Galea għandu jkun onest mal-partitarji Nazzjonalisti, u jkun ċar ħafna magħhom dwar l-irwol tiegħu wara l-imġeiba ta’ Karol Aquilina.
Il-manuvrar tiegħu mhux ġdid fil-PN, tant li kien Eddie Fenech Adami nnifsu – wara t-telfa elettorali tal-1996 – li kien waħħal fiħ bħala l-persuna wara ċ-ċaqlieq li kien hemm biex jitneħħa minn Kap tal-Partit.
Iżda Fenech Adami mhux Bernard Grech. Ma kienx jibża mid-deputati tiegħu. Kien Kap assolut tal-partit. Bla tlaqlieq kien jikkonfronta lil kull min kien jaħdem kontra l-interessi tal-Partit.
Staqsu lil Josie Muscat, u jgħidlek kif kien jaġixxi Eddie Fenech Adami.
Fenech Adami ma kienx xi wieħed li jaqbad u jikkonfrontak bla ma jkun ċert.
Kellu biżżejjed informazzjoni miġbura li kienet tindika lil Louis Galea bħala dak li kien qed jipprova jxewwex lid-deputati u lill-attivisti biex jibdew il-proċess biex ibiddlu l-Kap wara d-disfatta elettorali tal-1996 kontra Alfred Sant.
Dan Louis Galea għandu jgħidu lill-partitarji.
Se jiċħad li qatt kien wara dan il-pjan. Iżda se jikkonferma li Fenech Adami kien ikkonfrontah dwarha.
Qed nirrakkonta din il-ġrajja, għaliex jidher li Louis Galea għadu ma xebax mill-ossessjoni tiegħu li jimmanuvra u jilgħab bil-PN, qisu xi ġugarell tiegħu.
Donnu Galea għandu l-viżżju tal-logħba ‘Risiko’ fejn jirriskja kollox biex mingħalih jirbaħ kollox.
Iżda Louis Galea ma jafx jieqaf malli jitlef.
Donnu ma jitgħallimx mil-lezzjonijiet preċedenti mogħtija mill-partitarji Nazzjonalisti li ħames snin ilu – akkost ta’kollox u kontra kollox- iddeċidew u eleġġew lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN.
Galea kien iż-żiemel wara Simon Busuttil kemm kien ilu Kap tal-PN, sakemm telaq mad-disfatta kontra Joseph Muscat fl-2017.
Kien imiss mbgħad lil Adrian Delia, li mingħalih għamel xi bravura kbira, li reġa’ daħħlu lura fil-PN biex jieħu ħsieb “jimmodernizza lill-PN fil-livelli kollha u li jaġġorna l-iStatut tal-PN.
aħansitra kien ta lil Louis Galea l-jedd li jattendi għal laqgħat interni kollha tal-partit,
Prattikament kien tah Carte Blanche li jkun prattikament il-‘joint chief of staff’ – kariga li malajr wriet lil Delia li kien daħħal żiemel ta’ Troja fi ħdanu.
Malli l-establishment qam mill-istordament ta’ sentejn qabel bit-telfa kontra Delia, Louis Galea qajjem rixu u ħadem kontra Delia, tant li kien pubblikament qallu biex “jisma’ mill-partitarji u jitlaq!”
Familjari l-istqarrija hux?
Bħal ma’ Fenech Adami, l-istess ma’ Adrian Delia.
U issa?
Jidher li Louis Galea, llum f’nofs is-sebgħinijiet tiegħu, għadu ma qatax din l-ossessjoni tal-manuvrar minn wara l-iskrivanija tiegħu fil-Fawwara.
lill-aħwa Karol u Robert Aquilina, jafhom sew.
Jafhom tfal żgħar jiġru fl-isqaqien tas-Siġġiewi, u trabbew dejjem taħt l-umbrella tiegħu meta missierhom Nenu kien canvasser tiegħu u mbgħad laħaq bħala s-Sindku tal-lokal.
Meta ssemmi lil Karol u lil Robert, in-nies tgħidlek mill-ewwel: Louis Galea!
U dak li qed jiġri llum fil-PN u f’Repubblika mhux b’kumbinazzjoni.
La kumbinazzjoni fid-direzzjoni li qabad il-PN mindu Karol beda jagħti bil-minkeb u jidħol fuq quddiem, u lanqas fid-direzzjoni li qabdet Repubblika b’Robert Aquilina jmexxi l-aġenda militanti tiegħu.
Ta’ min jinnota s-sinerġiji fl-istrateġiji tal-aħwa Aquilina, fejn id-direzzjoni – ikkalibrata sew bħal arloġġ Zvizzeru – jiltaqgħu.
Ibda mill-manipulazzjoni tal-Kap Bernard Grech li saħansitra kien ikkastigat permezz ta’ The Times għaliex ma attendiex għall-protesta ta’ Repubblika fil-Belt, u ara l-aġendi politiċi jekk humiex l-istess u jikkonverġu ma’ ta’ xulxin.
Dawn huma: Li Joseph Muscat jibqa fuq il-bank tal-akkużati fil-Qorti, u l-oppozizzjoni qalila għar-riforma fil-Liġi dwar l-inkjesti.
B’kumbinazzjoni huma ż-żewġ ossessjonijiet tal-aħwa Aquilina!
Mhux b’ċikka li Karol Aquilina aġixxa b’dak il-mod fil-konfront tal-iSpeaker!
Anki hawn, kull parir jiswa mitqlu deheb. B’kumbinazzjoni Louis Galea kien ukoll Speaker tal-Kamra. Kulma mar fin-nofs, huma tlett messaġġi bil-WhatsApp mill-Fawwara fejn Louis Galea jkun qed isegwi l-Parlament minn fuq it-televiżjoni.
U lanqas kienet b’ċikka li Karol Aquilina spiċċa rebaħ fuq il-Grupp Parlamentari din il-ġimgħa, minkejja li ħafna kienu d-Deputati li riedu jivvutaw mal-Gvern u jikkundannaw l-aġir ta’ seħibhom Aquilina, li għaliex qabeż kull linja tad-diċenza.
Min taħsbu li kien wara d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari li joħrog mill-Kamra u jevitaw li jivvutaw għal mozzjoni li setgħet taqsam fil-beraħ lill-PN? Messaġġ whatsapp ta’ Louis Galea lil Karol Aquilina, li minn naħa tiegħu nforma lil Bernard Grech biha.
Grech beża mill-influwenza ta’ Louis Galea, u obdieh.
U Robert?
Jibqa’ – bil-gwida ta’ Louis Galea – jossessjona fuq Joseph Muscat.
U bl-istess lingwaġġ ta’ ħuħ Karol, jibqa’ jisfida kontra kollox, biex jipprova jsalva dak li jista’ qabel ma jikkrolla totalment il-każ fil-Qorti kontra Joseph Muscat, b’akkużi mbażwra sforż il-kilba għal vendetta kontrih.
Fil-paniku li qed iqum, l-aħwa Aquilina issa qed ikunu ggwidati biex isalvaw kollox permezz ta’ kampanja oħra impekkabbilment sinkronizzata kontra r-riforma fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali.
Il-PN taħt Karol u Repubblika taħt Robert bilfors li qed jagħmlu l-almu kollha tagħhom li jinfħuha u jeħduha sal-Ewropa u jpinġuha qisha l-aħħar tad-dinja.
Jekk tnehilhom il-poter tal-abbuż mill-aħħar bastjun li fadal għall-establishment – il-Qrati: Il-PN u Repubblika, Karol u Robert, jkunu tilfu kollox.
B’hekk il-bżonn li tissejjaħ il-kavallerija b’Jason Azzopardi u Manwel Delia, u dan l-aħħar is-sejħa lejn ‘Robespierre’ Simon Busuttil, l-uniku li jemmnu li għad fadal tal-istess twemmin tagħhom – li skond il-ħsieb tagħhom – jista’ jreġġa lill-PN lejn li kien: Sempliċement il-playground tagħhom biss.
U x’jieħu minn dan kollu Louis Galea jekk tgħaddi tiegħu f’dan kollu?
Sempliċi wkoll: il-Presidenza tar-Repubblika.
Għandhom x’jomgħodu l-partitarji Nazzjonalisti. Ma ħaqqhomx he